Għawdex illum hija gżira mutur ekonomiku u li toffri opportunitajiet kbar.
Dan sostnietu l-kandidata Laburista Abigail Camilleri waqt attività politika tal-Partit Laburista fil-Mellieħa fejn waqtha, l-Mexxej Laburista Robert Abela kien qed jiġi intervistat dwar temi varji.
Camilleri nnutat kif il-gżira Għawdxija qed tara rati ta’ negozju li qatt ma rajna bħalhom, ferm aktar milli fi żmien Gvern Nazzjonalista. Hija rrikonoxxiet ukoll id-diversi miżuri implimentati minn Gvern Laburista, kif ukoll dak li lest iwettaq il-Partit Laburista jekk jerġa’ jingħata l-fiduċja biex imexxi l-pajjiż.
Hi żiedet tgħid li l-proposti kollha li qed iressaq il-Partit Laburista permezz tal-manifest elettorali “Int Malta”, bħaż-żieda fl-istipendji, l-għajnuna fis-saħħa mentali u skemi li jiffaċilitaw ix-xiri tal-proprjetà u jinkoraġġixxu familji ġodda, ifissru futur aħjar għaż-żgħażagħ Għawdxin, fejn jistgħu jibnu ħajja stabbli fil-post fejn twieldu u trabbew.
Apparti minn hekk, qalet il-kandidata Laburista, il-Partit Laburista fil-Gvern huwa kommess li jaħdem għal bidla fil-mentalità, fejn l-edukazzjoni tat-tfal ma ssirx biss bejn l-erba’ ħitan tal-klassi, iżda titqies bħala proċess kontinwu fis-soċjetà.
Abigail Camilleri temmet tappella lill-poplu Malti u Għawdxi sabiex fit-30 ta’ Mejju li ġej jerġa’ jsellef il-fiduċja lill-Partit Laburista biex dan jibqa’ fit-tmun tal-pajjiż favur ħajja aħjar għall-Maltin u l-Għawdxin, taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela.
Sourse One News

