Kaptan li qatt ma jbaħħar jevita kull maltempata, iżda lanqas qatt ma jasal fid-destinazzjoni tiegħu. Miriam Dalli għażlet it-triq l-aktar diffiċli: li tmexxi, mhux li taħrab mir-riskju.
F’nofs mewġa ta’ sħana bla preċedent li żiedet id-domanda għal livelli rekord, Malta esperjenzat qtugħ tad-dawl li kkawża frustrazzjoni. L-Oppożizzjoni sfruttat il-mument, ressqet mozzjoni ta’ sfiduċja u talbet ir-riżenja tal-Ministru, filwaqt li ppruvat tpinġi stampa ta’ falliment u negliġenza.
Iżda l-kuntest ma jistax jiġi injorat.
L-istess mewġa ta’ sħana poġġiet taħt pressjoni ‘grids’ madwar l-Ewropa. Pajjiżi bħall-Ġermanja, Franza u l-Italja wkoll irreġistraw qtugħ fis-servizzi, hekk kif temperaturi estremi u domanda rekord tefgħu l-infrastruttura tagħhom taħt pressjoni kbira. Din mhix sfida esklussiva għal Malta; hija realtà Ewropea f’kontinent li qed jesperjenza klima dejjem aktar sħuna.

Id-differenza hija li l-Gvern Malti, taħt it-tmexxija ta’ Miriam Dalli, irrifjuta li jittratta n-netwerk tal-elettriku bħala infrastruttura li sempliċement għandha tinżamm kif inhi. Minflok ma żamm il-vapur fil-port, għażel li jimmodernizzah waqt li baqa’ jbaħħar.
Bejn l-2023 u tmiem l-2025, l-Enemalta investiet madwar €140 miljun biex issaħħaħ in-netwerk tad-distribuzzjoni. Inbnew u ġew modernizzati għadd ta’ substations, filwaqt li proġetti ta’ cables ta’ vultaġġ għoli komplew jespandu l-kapaċità tas-sistema.

Fosthom hemm il-proġett ta’ €6.5 miljun fil-Mosta, li jżid 11-il kilometru ta’ cables ġodda u jkabbar il-kapaċità taċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni b’25%. Fl-istess ħin, qed jitwettaq programm nazzjonali li jinkludi aktar tisħiħ tan-netwerk, sistemi ta’ ħażna tal-enerġija permezz ta’ batteriji u l-introduzzjoni ta’ smart meters. Dawn mhumiex wegħdiet fuq karta; huma investimenti konkreti f’infrastruttura li trid tlaħħaq ma’ domanda dejjem tikber.
Fl-istess waqt, it-tieni interconnector ma’ Sqallija se jsaħħaħ is-sigurtà tal-provvista filwaqt li jiffaċilita integrazzjoni akbar ta’ enerġija rinnovabbli.
Barra minn hekk, Malta qed timbotta ’l quddiem Il-pjanijiet għal offshore wind farm ta’ 300 MW, wieħed mill-ewwel proġetti kummerċjali ta’ dan it-tip fil-Mediterran. Is-sehem tal-enerġija rinnovabbli qed ikompli jikber, filwaqt li l-pjan nazzjonali tal-enerġija jippreżenta viżjoni fit-tul għal sistema aktar nadifa, aktar reżiljenti u ekonomikament sostenibbli.
Il-kritiċi jagħżlu li jiffokaw biss fuq il-frustrazzjoni immedjata tal-qtugħ tad-dawl. Dak hu aspett reali u importanti. Iżda ħafna drabi jinjoraw il-problema strutturali: ekonomija li qed tikber b’pass mgħaġġel, numru dejjem akbar ta’ djar u negozji li jiddependu fuq l-arja kkundizzjonata, u mewġiet ta’ sħana dejjem aktar frekwenti li qed jaffettwaw kull network Ewropea.

Li ma tieħu ebda riskju llum ħafna drabi jfisser li toħloq kriżi ferm akbar għada. Mhux hekk għażel Gvern Laburista. Il- modernizzar tal-infrastruttura qatt ma tkun proċess mingħajr diffikultajiet. Meta sistema tintuża sal-limitu tagħha waqt li tkun qed tiġi estiża u msaħħa, jseħħu ħsarat u interruzzjonijiet. Dawn huma sfidi li għandhom jiġu indirizzati malajr u b’effiċjenza, iżda mhumiex prova li l-investiment kien żball. Huma prova li n-network qed jiġi adattat għal realtà ġdida.
It-tmexxija ma titkejjilx bin-nuqqas assolut ta’ problemi. Titkejjel bil-kapaċità li tieħu deċiżjonijiet diffiċli għall-ġid fit-tul tal-pajjiż, anke meta dawn iġibu magħhom kritika jew sfidi temporanji.
Il-qtugħ tad-dawl huwa reali, u l-frustrazzjoni tan-nies hija ġustifikata. Iżda r-rispons responsabbli mhuwiex li jitwaqqaf il-vjaġġ jew li jiġi abbandunat il-kors, iżda li tkompli tissaħħaħ in-network bil-għan li tkun kapaċi tlaħħaq mat-talbiet futuri.

Kaptan li jibża’ mill-maltemp qatt ma jsalpa mill-port.
Kaptan li jemmen fil-missjoni tiegħu, minkejja l-maltemp, iwassal il-vapur fid-destinazzjoni. Miriam Dalli għażlet dik it-triq.

