It-Tmun Ma Jinbidilx F’Nofs il-Maltemp

Neville Gafa

~ 48 minutes ago

It-Tmun Ma Jinbidilx F’Nofs il-Maltemp

L-istorja rari tfakkar lill-mexxejja għall-aktar deċiżjonijiet popolari tagħhom. Tfakkarhom għall-aktar deċiżjonijiet iebsa u ta’ sfida.

 

Hemm baħar jaqsam bejn politiku li jmexxi skont ir-riħ u statista li jmexxi skont il-boxxla. L-ewwel wieħed ibiddel id-direzzjoni kull darba li jinbidel il-baħar. It-tieni jifhem li l-maltemp huwa parti mill-vjaġġ, mhux raġuni biex jitlaq it-tmun minn idejh. 

 

 

Meta wara l-elezzjoni ġenerali li għaddiet, Robert Abela reġa’ ta l-fiduċja lil Miriam Dalli biex tmexxi s-settur tal-enerġija għat-tielet mandat konsekuttiv, ma kienx qed jikkonferma sempliċiment Ministru. Kien qed jafferma filosofija ta’ tmexxija. Kien qed jafferma li l-infrastruttura ma tinbeniex bil-paniku, iżda bil-perseveranza; li sistemi strateġiċi ma jitmexxewx skont iċ-ċiklu tal-aħbarijiet, iżda skont il-ħtiġijiet tal-ġenerazzjonijiet futuri.

 

L-enerġija hija l-pedament inviżibbli ta’ kull ekonomija moderna. Meta taħdem b’mod regolari, kważi ħadd ma jinnotaha. Meta tfalli, kulħadd jinduna biha. Din hija l-paradoss ta’ kull infrastruttura essenzjali: l-akbar suċċess tagħha huwa li tibqa’ inosservata.

 

Huwa għalhekk li l-politika tal-enerġija qatt ma tista’ tkun mibnija fuq ir-reazzjoni. Trid tkun mibnija fuq il-previżjoni. ‘Being proactive not reactive’.

 

 

Miriam Dalli ilha tmexxi dan il-portafoll minn Novembru tal-2020. Matul dawn is-snin ma mexxietx biss Ministeru; mexxiet trasformazzjoni. Investimenti estensivi fit-tisħiħ tan-network tad-distribuzzjoni, il-proġett tat-tieni interconector, l-imodernizzar tal-grid nazzjonali, il-preparazzjoni għall-integrazzjoni ta’ aktar enerġija rinnovabbli u sistemi ta’ ħażna, huma kollha proġetti li l-valur tagħhom ma jitkejjilx f’ġimgħat jew xhur. Dawn huma deċiżjonijiet li l-veru ġudizzju tagħhom jagħtih biss iż-żmien.

 

Il-filosfu Grieg Heraclitus kiteb li “ma tistax tidħol darbtejn fl-istess xmara.” Iżda l-Istat għandu obbligu differenti. Irid jiżgura li, minkejja li l-ilma dejjem jinbidel, il-pont jibqa’ wieqaf.

 

Dan huwa l-kompitu ta’ kull Ministru tal-Enerġija.

 

Qabel daħlet fil-Gvern, Dalli qattgħet snin fil-Parlament Ewropew, fejn il-politika tal-enerġija kienet waħda mill-oqsma li fihom kisbet l-akbar reputazzjoni. Hemmhekk tgħallmet li l-enerġija mhix biss dwar produzzjoni jew distribuzzjoni. Hija kwistjoni ta’ sigurtà nazzjonali, kompetittività ekonomika, sostenibbiltà ambjentali u sovranità strateġika.

 

 

Ir-rikonoxximenti internazzjonali li kisbet ma kinux sempliċi unuri. Kienu rifless tal-kapaċità tagħha li taħseb f’termini ta’ sistemi, mhux ta’ slogans; ta’ għexieren ta’ snin, mhux ta’ ċikli elettorali.

 

Lanqas il-fiduċja li reġa’ taha Robert Abela ma tista’ tinftiehem mingħajr il-kuntest demokratiku tagħha.

 

Fl-elezzjoni tal-2026, Miriam Dalli kienet waħda minn żewġ kandidati biss fost iż-żewġ partiti ewlenin eletti minn żewġ distretti, filwaqt li f’wieħed minnhom saret l-ewwel kandidat Laburista fl-istorja li ġiet eletta mill-ewwel għadd.

 

 

Dan mhux biss riżultat elettorali. Huwa mandat politiku qawwi. U mandat bħal dan jagħti mhux privileġġ, iżda responsabbiltà akbar biex jitkompla xogħol li ma jistax jitħalla nofs triq.

 

Naturalment, il-mewġa tas-sħana riċenti u l-qtugħ tad-dawl qajmu kritika u frustrazzjoni ġustifikata fost il-pubbliku. Kull nuqqas f’xi servizz essenzjali għandu jiġi analizzat, investigat u indirizzat b’serjetà.

 

Iżda hemm differenza bejn li wieħed jitgħallem minn kriżi u li jippermetti lill-kriżi tmexxi l-politika.

 

L-istorja turi li ħafna mill-akbar żbalji fit-tmexxija twieldu meta l-gvernijiet ħallew il-biża’ tal-mument tissostitwixxi l-ġudizzju fit-tul.

 

Il-mistoqsija vera qatt ma kienet jekk il-kriżi seħħitx.

 

Il-mistoqsija hija jekk il-persuna li bdiet tibni s-soluzzjoni hix ukoll il-persuna l-aktar kapaċi biex twassalha sat-tmiem.

 

Robert Abela wieġeb dik il-mistoqsija qabel ma l-Oppożizzjoni għamlitha. U ma biddilx il-fehma tiegħu meta żdiedet il-pressjoni.

 

Dan huwa sinjal ta’ tmexxija li taf id-differenza bejn il-popolarità u r-responsabbiltà.

 

Fl-aħħar mill-aħħar, kull Prim Ministru jħalli warajh mhux biss liġijiet jew baġits, iżda wkoll kultura ta’ gvern.

 

Kultura li tirrifletti jekk il-pajjiż għandux jitmexxa skont il-paniku jew skont il-prinċipji. Jekk il-Ministri għandhomx jiġu ġġudikati mill-aħħar aħbar jew mill-wirt li jħallu. Jekk il-kontinwità hix sinjal ta’ dgħufija jew prova ta’ fiduċja.

 

 

Meta reġa’ afda s-settur tal-enerġija lil Miriam Dalli, Robert Abela għamel aktar minn sempliċi ħatra ministerjali.

 

Għamel dikjarazzjoni dwar x’tip ta’ Gvern irid imexxi.

 

Gvern li jifhem li l-port huwa sigur, iżda l-bastimenti ma nbnewx biex jibqgħu fil-port.

 

Gvern li jaf li l-maltemp ma jbiddilx id-destinazzjoni. Huwa eżami ta’ kuraġġ ta’ min iżomm it-tmun f’idejh.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *