Solidarjetà fit-Tmexxija

Neville Gafa

~ 8 hours ago

Solidarjetà fit-Tmexxija

Li tħalli ħabib iġorr it-toqol tiegħek mhuwiex sinjal ta’ dgħufija, iżda att li jagħmel żewġ erwieħ, ruħ waħda. U dik hija saħħa ferm akbar milli tipprova ġġorr kollox waħdek.”

 

Kliem li jisfidaw wieħed mill-akbar żbalji ta’ żmienna: il-konvinzjoni li s-saħħa tfisser solitudni, u li l-indipendenza assoluta hija l-ogħla forma ta’ virtù.

 

Il-bniedem huwa annimal politiku. Maħluq biex jgħix f’komunità. Il-ħbiberija hija waħda mill-ogħla forom tal-ħajja morali, madankollu il-verità tibqa’ l-istess: il-piż ma jonqosx meta jiġi miċħud, iżda meta jinqasam.

 

Meta żewġ persuni jingħaqdu fi skop komuni, ma jitilfux l-identità tagħhom. Bil-maqlub, isaħħuha. It-toqol jitqassam, ir-rieda timmultiplika ruħha, u dak li seta’ kisser persuna waħda jsir il-pedament ta’ reżiljenza akbar. Is-saħħa vera ma titkejjilx minn kemm wieħed jiflaħ waħdu, iżda minn kemm jaf jafda lil dawk li jaqsmu l-istess missjoni.

 

 

Dan il-prinċipju ħa forma konkreta matul is-sħana estrema ta’ dawn l-aħħar jiem. Id-domanda rekord fuq in-network tal-elettriku, flimkien ma’ temperaturi bla preċedent, poġġew taħt pressjoni mhux biss l-infrastruttura tal-pajjiż, iżda wkoll il-paċenzja taċ-ċittadini. Il-qtugħ tad-dawl affettwa familji, negozji u komunitajiet sħaħ. Il-frustrazzjoni kienet ġenwina, u l-iskrutinju pubbliku inevitabbli.

 

Fil-qalba ta’ din il-maltempata hemm il-Ministru Miriam Dalli. Xi wħud ippruvaw jittrasformaw sfida infrastrutturali f’kundanna personali, u ppreżentaw ir-riżenja jew l-iżolament bħala l-uniku mod kif tintwera’ r-responsabbiltà.

 

Iżda t-tmexxija moderna ma taħdimx hekk.

 

Il-governanza ta’ sistema tal-enerġija ma tinbeniex fuq il-ġudizzju ta’ individwu wieħed. Hija frott ta’ eluf ta’ sigħat ta’ ħidma minn inġiniera, tekniċi, maniġers, ħaddiema u istituzzjonijiet. Hija mibnija fuq investimenti fit-tul li jissaħħu sena wara sena, fuq deċiżjonijiet li ma jagħtux frott immedjat, iżda li jżidu r-reżiljenza tal-pajjiż. Kien proprju grazzi għal dawn l-investimenti li ħafna żoni reġgħu ngħataw il-provvista f’ħin iqsar milli kien ikun possibbli ftit snin ilu, filwaqt li ġew attivati wkoll mekkaniżmi ta’ kumpens għal dawk li sofrew l-akbar impatt.

 

 

Dawn mhumiex l-azzjonijiet ta’ persuna waħda. Huma l-espressjoni ta’ Gvern li jaħdem bħala korp wieħed.

 

Li l-Partit Laburista u l-Gvern Laburista jappoġġjaw  lill-Ministru Dalli mhux att ta’ evażjoni tar-responsabbiltà. Lanqas ma huwa sinjal ta’ dgħufija. Hija għażla sabiex jinqasam il-piż komuni. Hija d-deċiżjoni li r-responsabbiltà ma tinġarrx minn spalla waħda, iżda minn moviment sħiħ li jemmen fil-kontinwità, fit-titjib u fil-kapaċità li jindirizza l-isfidi mingħajr ma jabbanduna lil min ikun fuq quddiem.

 

Li tinsisti li kull kriżi trid tintemm bis-sagrifiċċju ta’ persuna waħda toħloq biss sodisfazzjon politiku għal xi wħud. Iżda rari isaħħaħ l-istituzzjonijiet. Dak li jibni l-istituzzjonijiet huwa l-kuraġġ li tibqa’ taħdem, tikkoreġi fejn hemm bżonn, titgħallem mill-esperjenza, u tkompli tinvesti fil-futur.

 

Il-ħbiberija politika vera mhix il-protezzjoni għamja jew iċ-ċaħda tal-kritika. Hija l-lealtà lejn prinċipju akbar: li ma tabbandunax lil min ikun qed jerfa’ responsabbiltà pubblika meta l-maltemp ikun l-aktar qawwi. Hija l-fehma li l-isfidi ta’ pajjiż modern ma jistgħux jiġu solvuti b’eroj solitarji, iżda b’timijiet magħqudin fl-istess viżjoni.

 

 

Fl-aħħar mill-aħħar, is-saħħa ma titkejjilx minn kemm wieħed jinsisti li jġorr kollox waħdu. Titkejjel mill-għerf li jippermetti lil oħrajn jaqsmu miegħu l-piż ta’ missjoni komuni.

 

Żewġ erwieħ magħqudin fi skop wieħed.

 

Gvern u Ministru jimxu ’l quddiem flimkien.

 

U proprju hemmhekk tinsab l-akbar forma ta’ saħħa: mhux fis-solitudni, iżda fis-solidarjetà. Għax meta r-responsabbiltà tinqasam, il-piż isir eħfef, il-kuraġġ isir akbar, u l-futur isir aktar sigur.

 

Flimkien, aħna aktar b’saħħitna.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *