Jibda x-xogħol fuq l-impjant il-ġdid għall-ipproċessar tal-iskart organiku b’investiment ta’ €75 miljun

Neville Gafa

~ 2 hours ago

Jibda x-xogħol fuq l-impjant il-ġdid għall-ipproċessar tal-iskart organiku b’investiment ta’ €75 miljun

Bdiet uffiċjalment il-kostruzzjoni tal-impjant il-ġdid għall-ipproċessar tal-iskart organiku, fejn diġà għaddejjin xogħlijiet ta’ skavar u l-bini ta’ ħajt tul il-perimetru tas-sit.

 

Dawn ix-xogħlijiet qed isiru filwaqt li għaddej ukoll ix-xogħol fuq id-disinn dettaljat tal-proċess u tal-inġinerija tal-impjant. Dan huwa pass importanti f’wieħed mill-akbar investimenti fis-settur tal-immaniġġjar tal-iskart f’pajjiżna.

 

 

Il-proġett jirrappreżenta investiment globali ta’ €75 miljun, li minnhom madwar €45 miljun huma kofinanzjati mill-Fond ta’ Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea. Il-faċilità l-ġdida se żżid b’aktar mid-doppju l-kapaċità ta’ Malta għall-ipproċessar tal-iskart organiku u tkompli ssaħħaħ it-tranżizzjoni tal-pajjiż lejn ekonomija ċirkolari. Dan il-proġett huwa wkoll miżura tal-programm elettorali tal-Gvern.

 

Il-Ministru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli, il-Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Keith Azzopardi Tanti, u l-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ, Richard Bilocca, żaru s-sit biex isegwu l-progress ta’ dawn ix-xogħlijiet.

 

“Ix-xogħlijiet li bdejna fuq din il-faċilità ġdida huma pass ieħor importanti f’dan il-proġett, li se jippermettilna nirkupraw aktar riżorsi mill-iskart, niġġeneraw aktar enerġija rinnovabbli u nkomplu nibnu ekonomija ċirkolari aktar b’saħħitha għal Malta,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

 

Il-Ministru Keith Azzopardi Tanti enfasizza r-rwol importanti tal-fondi Ewropej fit-twettiq ta’ proġetti strateġiċi tal-infrastruttura nazzjonali. “Permezz ta’ investiment ta’ €45 miljun kofinanzjati minn fondi Ewropej, Wasteserv qed twettaq proġett kruċjali li se jressaq lill-pajjiżna aktar qrib ekonomija ċirkolari. Qed nuru b’mod prattiku kif il-fondi Ewropej jistgħu jinvestu fil-ħtiġijiet reali ta’ Malta, filwaqt li nittrattaw l-iskart bħala riżorsa prezzjuża li minnha niġġeneraw enerġija nadifa u kif ukoll kompost.”

 

 

Ladarba tkun qed taħdem, il-faċilità l-ġdida se żżid il-kapaċità annwali tal-ipproċessar tal-iskart organiku minn madwar 36,000 tunnellata għal aktar minn 74,000 tunnellata. Hekk kif is-separazzjoni tal-iskart qed tkompli tiżdied, din il-kapaċità addizzjonali se tippermetti li volumi ferm akbar ta’ skart organiku jiġu kkonvertiti f’enerġija rinnovabbli u kompost ta’ kwalità għolja, filwaqt li żżid il-produzzjoni tal-elettriku minn 8.5 GWh għal 20 GWh fis-sena.

 

Il-faċilità se tinkorpora wkoll teknoloġija avvanzata u livelli ogħla ta’ awtomazzjoni biex timmassimizza l-effiċjenza, ittejjeb l-operat u tkompli ssaħħaħ il-protezzjoni ambjentali.

 

 

Il-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ, Richard Bilocca, qal li l-proġett qed javvanza skont il-pjan. “Il-kostruzzjoni issa daħlet fl-ewwel fażi tagħha, bix-xogħlijiet ta’ skavar għaddejjin fis-sit. L-iskavar qed isir permezz ta’ magna speċjalizzata tat-tip surface planer excavator, li hija adattata għall-iskala tal-proġett filwaqt li tgħin biex jitnaqqsu l-impatti ambjentali, b’mod partikolari l-ħsejjes u l-vibrazzjonijiet. F’konformità mal-impenn ta’ WasteServ lejn is-sostenibbiltà, il-materjal li qed jiġi skavat qed jerġa’ jintuża fuq is-sit biex jimtlew żoni baxxi sal-livelli meħtieġa fid-disinn. Bdew ukoll ix-xogħlijiet għall-bini tal-ħajt tul il-perimetru tal-faċilità. Fl-istess ħin, qed jiġu finalizzati d-disinni dettaljati tal-proċess u tal-inġinerija,” qal Bilocca.

 

L-Impjant il-Ġdid għall-Ipproċessar tal-Iskart Organiku huwa mistenni jitlesta fi żmien sentejn u huwa proġett kruċjali fl-implimentazzjoni tal-istrateġija ECOHIVE.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *