Jitlesta l-proċess ta’ tiġdid ta’ madwar 160,000 Karta tal-Identità

Neville Gafa

~ 2 hours ago

Jitlesta l-proċess ta’ tiġdid ta’ madwar 160,000 Karta tal-Identità

Fi żjara li għamel fl-Aġenzija Identità, il-Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol Jonathan Attard iltaqa’ u tkellem mal-ħaddiema fil-fergħat differenti. Iċ-Chairperson tal-Aġenzija Identità Marlene Mizzi u l-Kap Eżekuttiv l-Kurunell Dr Edric Zahra laqgħu lill-Ministru Attard u lis-Segretarju Permanenti s-Sur Ronald Mizzi.

 

Dr Zahra flimkien mar-rappreżentanti mill-varji taqsimiet fi ħdan l-Aġenzija spjegaw dwar il-ħidma li għaddejja fit-taqsimiet rispettivi, il-kisbiet, l-isfidi u l-miri biex ikompli jitjieb dan is-servizz li jolqot liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin mit-twelid sal-mewt.

 

 

Min-naħa tiegħu l-Ministru wera s-sodisfazzjoni għall-mod ta’ kif qiegħda titmexxa l-aġenzija u l-mod ta’ kif qegħdin jintlaħqu l-miri fosthom fit-taqsima tal-Karti tal-Identità. Ġie spjegat li l-Aġenzija lestiet b’suċċess il-proċess ta’ tiġdid ta’ madwar 160,000 Karta tal-Identità, pass importanti li jkompli jsaħħaħ il-kwalità u s-sigurtà tad-dokumenti tal-identità Maltin.

 

“It-tiġdid tal-Karta tal-Identità Maltija ġie effettivament konkluż u fil-fatt it-Taqsima tal-Karta tal-Identità rreġistrat tnaqqis għal applikazzjonijiet ġodda meta kkumparat mal-istess perjodu s-sena li għaddiet u dan wara proċess kumpless. Mill-aspett diġitali qegħdin inkomplu ntejbu l-effiċjenza fejn fl-ewwel nofs ta’ din is-sena kien hemm aktar minn tmien miljun tranżazzjoni permezz tal-kont tal-eID,” qal il-Ministru Attard.

 

L-Aġenzija Identità tibqa’ impenjata li tkompli tinvesti f’servizzi effiċjenti u f’teknoloġija avvanzata, filwaqt li tfakkar li hija r-responsabbiltà ta’ kull detentur li jiżgura li l-karta tal-identità tiegħu jew tagħha tkun dejjem valida.

 

Matul din il-laqgħa ħareġ ukoll li fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, l-Aġenzija Identità pproċessat total ta’ 250,000 applikazzjoni għas-servizzi kollha u varji li toffri. Kien innutat ukoll fost l-oħrajn kif is-servizz ta’ tiġdid ta’ Karti tal-Identità fil-Kunsilli Lokali se jitkompla fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.

 

“L-organizzazzjoni u l-professjonalità li rajna fil-fergħat kollha tal-Aġenzija Identità jikkonfermaw li hemm viżjoni ċara u komuni bejn l-amministrazzjoni tal-Aġenzija u l-Ministeru. Din hija viżjoni li tpoġġi fil-qalba tagħha l-investiment fir-riżorsa umana, inkluż it-titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-ħolqien ta’ opportunitajiet kontinwi ta’ żvilupp professjonali. Irridu nkomplu ninvestu f’aktar għodod diġitali moderni u effiċjenti biex intejbu l-kwalità tas-servizz li noffru liċ-ċittadini,” temm jgħid il-Ministru Attard.

 

Iċ-Chairperson Marlene Mizzi qalet li “l-għan tagħna huwa li ċ-ċittadini li ta’ kuljum javviċinawna fid-diversi fażijiet ta’ dokumentazzjoni, jkunu jistgħu jingħataw servizz dejjem imtejjeb ibbażat ukoll fuq l-esperjenza ta’ ħaddiema li qegħdin ikomplu jsibu l-opportunitajiet biex filwaqt li jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom, ikomplu jtejbu s-servizz offrut”.

 

 

Min-naħa tiegħu Dr Edric Zahra spjega dwar il-ħidma li hemm għaddejja fuq livelli differenti inkluż fir-riżorsa umana b’opportunitajiet indaqs għall-ħaddiema kollha, l-intelliġenza artifiċjali, l-infrastruttura u anke l-customer care. Hawnhekk Dr Zahra qal li l-Aġenzija timpjega madwar 4% tal-ħaddiema li huma persuni b’diżabilità.

 

L-Aġenzija Identità toffri bosta servizzi minn fergħat differenti madwar Malta, u fl-aħħar xhur inawgurat fergħa ġdida f’Għawdex, bil-għan biex tkompli titjieb l-aċċessibbiltà.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *