Meta Joseph Muscat talab kawtela biex ma ssirx ħsara lill-proċess ġudizzjarju, il-PN attakkawh bla ħniena. Illum, l-istess partit qed jiddefendi l-istess kawtela bħala eżempju ta’ tmexxija responsabbli. Dik mhix konsistenza, iżda ipokresija grassa.

Joseph Muscat
Mela fl-2019, meta Dr Joseph Muscat kien Prim Ministru, il-pożizzjoni tiegħu dwar l-Inkjesta Pubblika kienet ċara, konsistenti u legalment responsabbli. Qatt ma qal li kien kontra Inkjesta Pubblika. Qatt ma pprova jwaqqafha. Qatt ma argumenta li ma kellhiex issir.
Dakinhar, Dr. Muscat saħaq li Gvern Laburista ma kienx se jopponi għal Inkjesta Pubblika, iżda din kellha tibda biss meta jkun assigurat li ma tippreġudikax l-investigazzjonijiet kriminali jew il-proċeduri quddiem il-Qorti. Il-prijorità kellha tkun waħda: li l-ġustizzja taħdem mingħajr pressjoni politika u mingħajr riskju li b’xi mod jiġi preġudikat il-proċess ġudizzjarju.
Kien argument ibbażat fuq ir-rispett lejn is-Saltna tad-Dritt.
Iżda dakinhar, il-Partit Nazzjonalista ma riedx jisma’ u oġġezzjona bil-kbir.
Dak iż-żmien il-PN fetaħ offensiva politika kontra Joseph Muscat. Akkużawh li kien qed “ikaxkar saqajh”. Sostna li l-Inkjesta Pubblika kellha tibda immedjatament. Insista li kull dewmien kien inaċċettabbli. Kull argument dwar il-ħarsien tal-proċeduri kriminali ġie interpretat bħala skuża politika.
Għall-PN tal-2019, il-prudenza kienet dnub mejjet.
L-għaqal kien kompliċità.
Ir-rispett lejn il-proċess kriminali kien ostaklu.
Imma mbagħad għaddew is-snin.
U llum?
Propju llum is-Sibt, 1 ta’ Awwissu 2026, il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg qal eżattament dak li Joseph Muscat kien ilu jgħid mill-2019.
Alex Borg qal li jkun “politikament irresponsabbli” jikkummenta dwar il-ġuri ta’ Yorgen Fenech. Saħansitra għamel dikjarazzjoni li, kieku nqara mingħajr ismijiet, ħafna kienu jaħsbu li kien diskors ta’ Joseph Muscat:
“Kwalunkwe kumment, kemm jekk eċċessiv kif ukoll jekk insuffiċjenti, jista’ jikkawża ħsara. Għalhekk ħassejt li l-maturità politika teħtieġ li nieħdu pass lura filwaqt li nkomplu nsegwu l-proċedimenti mill-qrib.”

X’sar minnhom il-prinċipji kollha tal-2019 Sur Alex Borg?
Fejn mar il-kliem kollu dwar l-urġenza?
Fejn mar l-argument li s-silenzju kien skuża?
Fejn mar l-attakk li kull kawtela kienet tentattiv biex tinħeba l-verità?

Alex22 Nifs Ġdid u Tħossok Tifga‼️
Illum il-PN qed jippreżenta bħala “maturità politika” dak li seba’ snin ilu kien jiddeskrivi bħala falliment morali.
Din mhijiex bidla ta’ opinjoni. Hija purament AMMISSJONI li dakinhar Joseph Muscat kellu raġun.
Ammissjoni li l-proċeduri kriminali għandhom jiġu protetti minn kwalunkwe kummentarju politiku.
Ammissjoni li xi drabi s-silenzju mhux dgħufija, iżda responsabbiltà.
Il-problema hija li l-PN qatt ma kien immexxi minn prinċipji. Jibdilhom mill-lejl għal nhar. Kieku kellhom prinċipji, allura kienu jżommu l-istess kejl fl-2019 u fl-2026.
Minflok, għażlu il-politika tal-konvenjenza.
Meta Joseph Muscat talab prudenza, sejħulu evażjoni. Meta Alex Borg jitlob prudenza, isejħulha maturità.
Meta Muscat qal li ma kellux ikun hemm kummenti li jistgħu jinterferixxu mal-proċess ġudizzjarju, il-PN akkużah li kien qed jaħrab mir-responsabbiltà.
Illum, meta Alex Borg jgħid li “kwalunkwe kumment jista’ jikkawża ħsara”, il-PN ifaħħru għall-għaqal tiegħu.
L-istess prinċipju.
L-istess argument.
L-istess kawtela. L-unika differenza hija l-isem ta’ min qed jgħidu.
Din hija l-ipokresija kronika tal-Partit Nazzjonalista. Ma jiġġudikax il-prinċipji. Jiġġudika biss min ikun qed jesprimihom.

U meta partit jispiċċa jadotta, kelma b’kelma, il-pożizzjoni li darba kien jikkundanna, ikun qed jagħmel l-akbar U Turn enormi. Il-verità ma nbidlet qatt. Inbidel biss l-opportuniżmu politiku tal-Partit Nazzjonalista.
L-Istorja għandha drawwa interessanti.
Tista’ tittardja. Però qatt ma tonqos milli tagħti raġun lil min kellu l-kuraġġ jiddefendi l-prinċipji tiegħu, anke meta kulħadd kien qed jattakkah.
F’dan il-każ, għal darba oħra, l-Istorja tat raġun lil Joseph Muscat, u l-akbar xhud ta’ dan m’hu ħadd ħlief il-Partit Nazzjonalista nnifsu.
ALEX22: NIFS ĠDID RIĦA TA’ ĦARA

