Studji sabiex il-mudell ta’ dan iċ-Ċentru jiġi replikat fit-Tramuntana tal-pajjiż

Aktar minn 190,000 pazjent ingħataw kura fiċ-Ċentru Reġjonali tas-Saħħa Ċensu Moran minn mindu beda jopera f’Settembru li għadda, hekk kif dan iċ-ċentru kompla jespandi l-firxa ta’ servizzi speċjalizzati u dijanjostiċi li joffri fil-komunità.
Permezz ta’ dan iċ-Ċentru, il-Gvern qed joffri għexieren ta’ servizzi mediċi u professjonali, filwaqt li se jkompli jinvesti f’aktar tisħiħ, fosthom bl-introduzzjoni ta’ CT Scanner u l-iżvilupp ta’ Medical Investigation and Treatment Unit (MITU), fost ħafna servizzi oħra.
Waqt żjara f’dan iċ-Ċentru, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Ian Borg iltaqa’ mat-tmexxija, il-professjonisti tas-saħħa u l-ħaddiema li kuljum jagħtu s-servizz tagħhom lil eluf ta’ pazjenti. Flimkien iddiskutew l-iżvilupp ta’ dan iċ-Ċentru tul l-aħħar sena, kif ukoll il-pjanijiet sabiex ikompli jinvesti f’aktar servizzi, sabiex il-pazjenti jkomplu jirċievu kura ta’ kwalità, eqreb lejn il-komunitajiet tagħhom. Fl-istess waqt, iċ-Ċentru Ċensu Moran qed ikompli jnaqqas il-pressjoni fuq l-Isptar Mater Dei.

Id-Deputat Prim Ministru ħabbar ukoll li l-Gvern beda jistudja pjanijiet sabiex il-mudell taċ-Ċentru Reġjonali tas-Saħħa Ċensu Moran jiġi replikat fit-Tramuntana tal-pajjiż.
“Hawnhekk qed naraw sinerġija bejn il-kura sekondarja u dik primarja sabiex aktar persuni jirċievu servizz ta’ eċċellenza eqreb lejn djarhom. Dan iċ-Ċentru qed itejjeb l-esperjenza tal-pazjent meta jfittex il-kura, hekk kif se nkomplu nintroduċu aktar servizzi fl-istess ċentru fiż-żmien li ġej. Fl-istess waqt, qed insegwu mill-qrib l-esperjenza u l-iżvilupp ta’ dan il-mudell ġdid għal pajjiżna għaliex irridu li fil-futur, nimplimentaw dawn s-servizzi fi bnadi oħra ta’ pajjiżna,” qal id-Deputat Prim Ministru Borg.
Dr Michael Farrugia, Amministratur Mediku taċ-Ċentru Reġjonali, saħaq li llum iċ-Ċentru joffri firxa estensiva ta’ servizzi ta’ kura primarja u sekondarja li jinkludu servizz ta’ emerġenza GP Walk-in, X-Ray, teatru oftalmiku, kmamar tat-trattament, kif ukoll għadd kbir ta’ kliniċi speċjalizzati. Huwa spjega wkoll li ċ-ċentru qed ikompli jespandi l-kapaċità tiegħu għal day procedures, fejn minn Jannar ta’ din is-sena saru 1,516 pain procedures, filwaqt li minn Lulju permezz tat-teatru oftalmiku saru 135 operazzjoni tal-għajnejn. Fix-xhur li ġejjin ser jidħlu fis-seħħ ukoll numru ta’ servizzi ġodda fosthom kliniċi tad-dermatoloġija, ENT, dentali, ortotiċi, testijiet avvanzati tal-qalb u aktar servizzi ta’ onkoloġija u pedjatrija speċjalizzata, fost ħafna servizzi oħra.

“Ġewwa ċ-Ċentru Reġjonali tas-Saħħa ta’ Ċensu Moran qed inwasslu aktar kura speċjalizzata fil-komunità. Bosta servizzi li sal-lum kienu jingħataw biss fl-Isptar Mater Dei llum qed noffruhom minn dan iċ-ċentru, filwaqt li l-pazjenti qed jibbenefikaw ukoll mis-servizz tal-Kura Primarja għal każijiet urġenti. Dan ifisser inqas pressjoni fuq l-isptar, ħinijiet ta’ stennija iqsar u servizz aktar qrib in-nies,” temm jgħid Dr Farrugia.

