Sigurtà fit-Toroq: Il-Forzi Dixxiplinati Jingħaqdu għall-Ġid Komuni

Neville Gafa

~ 15 hours ago

Sigurtà fit-Toroq: Il-Forzi Dixxiplinati Jingħaqdu għall-Ġid Komuni

L-iskjerament konġunt tal-Pulizija u l-Forzi Armati jsaħħaħ id-deterrenza, il-prevenzjoni u l-preżenza tal-Istat fit-toroq. Politika li tqiegħed is-sigurtà taċ-ċittadin fil-qalba tal-governanza.

 

 

 

 

F’kull soċjetà, is-sigurtà mhix neċessità. Hija l-kundizzjoni li tagħmel il-libertà possibbli. Mingħajr ordni, il-ħajja ta’ kuljum issir aktar fraġli, il-fiduċja pubblika titnaqqar u l-ġid komuni jiddgħajjef.

 

Huwa minn din il-perspettiva li għandu jinftiehem l-iskjerament ta’ membri tal-Forzi Armati ta’ Malta flimkien mal-Pulizija fit-toroq tagħna: mhux bħala spettaklu jew sinjal ta’ forza, iżda bħala manifestazzjoni konkreta tar-responsabbiltà fundamentali tal-Istat li jipproteġi liċ-ċittadini tiegħu.

 

F’kull stat organizzat, l-Armata u l-Pulizija jirrappreżentaw żewġ pilastri distinti iżda komplementari tal-awtorità pubblika. Il-funzjonijiet tagħhom mhumiex identiċi, iżda jingħaqdu f’għan importanti: il-ħarsien tal-komunità u l-preservazzjoni tal-Ordni. Meta ċ-ċirkostanzi u l-liġi jitolbu dan, il-kooperazzjoni bejn istituzzjonijiet dixxiplinati tista’ ssaħħaħ il-kapaċità tal-Istat li jipprevjeni, jiskoraġġixxi u jirreaġixxi għall-kriminalità.

 

 

Taħt it-tmexxija tal-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Glenn Bedingfield, dan il-prinċipju qed jingħata espressjoni prattika. L-iskjerament jagħmel użu minn kapaċitajiet li l-Forzi Armati ta’ Malta diġà għandhom permezz tat-taħriġ, id-dixxiplina u l-esperjenza operattiva tagħhom. B’mod partikolari, il-First (1) Reġiment għandhom esperjenza vasta fejn jidħlu rondi u operazzjonijiet ta’ appoġġ fejn il-preżenza organizzata u dixxiplinata hija essenzjali.

 

 

Il-valur ta’ din il-kooperazzjoni ma jinsabx biss fit-teorija. Esperjenzi preċedenti ta’ operazzjonijiet konġunti bejn il-Pulizija u l-AFM urew il-kapaċità li jiġu kkontrollati bosta reati. F’perjodu wieħed, l-AFM wettqu 25 road blocks, spezzjonaw 295 vettura, liema  operazzjonijiet wasslu għal 28 arrest — 14 marbuta ma’ kontravenzjonijiet tat-traffiku u 14 il- reat relatat mad-droga. F’operazzjonijiet oħra matul il-perjodi festivi ġew mwaqqfa mijiet ta’ vetturi f’lejl wieħed, fosthom 560 vettura f’operazzjoni waħda ta’ Lejlet il-Milied.

 

Iżda lil hinn miċ-ċifri hemm prinċipju aktar profond: l-aħjar ordni mhuwiex dak li jikkastiga d-diżordni wara li tkun seħħet, iżda dak li joħloq kundizzjonijiet li jagħmluha inqas probabbli li sseħħ.

 

Stat li jistenna sakemm il-ħsara tkun diġà saret ikun qed jaġixxi tard. Il-preżenza viżibbli, kalma, professjonali u kkoordinata tal-forzi tal-Ordni twassal żewġ messaġġi fl-istess ħin: liċ-ċittadin li josserva l-liġi tgħidlu int protett; lil min ikun qed jikkunsidra li jikser il-liġi tgħidlu l-Istat huwa preżenti.

 

Din mhix kontradizzjoni mal-libertà. Għall-kuntrarju, hija waħda mill-kundizzjonijiet tagħha. Il-libertà mingħajr ordni faċilment issir il-libertà ta’ min hu aggressiv, l-aktar wieħed b’saħħtu jew tal-aktar bla skrupli għad-detriment tal-bqija. Il-kompitu ta’ Stat demokratiku huwa għalhekk li jżomm bilanċ ċar: awtorità biżżejjed biex tipproteġi, iżda dejjem eżerċitata taħt il-liġi, i proporzjonalità u b’rispett lejn id-drittijiet taċ-ċittadin.

 

 

F’dan il-kuntest, id-deċiżjoni tal-Ministru Bedingfield jistħoqqilha rikonoxximent mhux biss għal-loġika operattiva tagħha, iżda wkoll għall-prinċipju li tirrappreżenta. Is-saħħa ta’ Stat ma titkejjilx biss mill-ħeffa li biha jirreaġixxi għall-kriminalità, iżda mill-intelliġenza li biha jipprevjeniha. Il-prevenzjoni hija forma aktar għolja ta’ governanza milli reazzjoni, għaliex tipprova tevita l-vittma aktar milli sempliċement tfittex lill-ħati wara li l-vittma tkun diġà sofriet.

 

Il-kejl veru ta’ politika ta’ sigurtà mhuwiex kemm uniformijiet jidhru fit-toroq, iżda jekk il-persuna ordinarja tħossx li tista’ timxi, taħdem, trabbi familja u tgħix ħajjitha b’serħan il-moħħ. Meta l-istituzzjonijiet ewlenin tas-sigurtà tal-pajjiż ikunu lesti jaħdmu spalla ma’ spalla, b’dixxiplina u fil-parametri tal-Liġi, l-Istat ikun qed iwettaq wieħed mill-eqdem u l-aktar dmirijiet fundamentali tiegħu.

 

Għaliex fl-aħħar mill-aħħar, l-ordni mhuwiex l-għadu tal-libertà, iżda l-ħajt li jipproteġiha.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *