Il-kejl morali ta’ soċjetà ma jinsabx biss fil-libertajiet li tagħti, iżda fil-protezzjoni li toffri lil min ma jistax jiddefendi lilu nnifsu.

Il-valur ta’ bniedem ma jiddependix mill-kapaċità tiegħu li jitkellem, jipprotesta jew jiddefendi l-interessi tiegħu.
Il-kejl morali ta’ soċjetà jidher proprju fil-mod kif tittratta lil dawk li għandhom l-inqas poter: l-anzjani, persuni b’diżabilità, il-fqar, il-vulnerabbli kif ukoll dik it-tarbija dipendenti fuq il-ġenituri tagħha.
U, iva, il-ħajja fil-ġuf.
Id-dibattitu dwar l-abort imur lil hinn mill-konfront bejn “progressivi” u “konservattivi”. Il-mistoqsija li għandna nagħmlu hija:
min jidħol fiċ-ċirku tal-konsiderazzjoni morali tagħna?
Min jgħodd?
Meta jibda jgħodd?
U, fuq kollox, fuq liema kriterju niddeċiedu?
Dawk favur id-dritt għall-abort jargumentaw li l-awtonomija tal-mara, is-saħħa tagħha u l-kontroll fuq ġisimha għandhom piż morali u legali determinanti.
Naqbel li dak l-argument għandu jiġi indirizzat bis-serjetà. Iżda hemm ukoll il-mistoqsija dwar l-istatus morali tal-ħajja umana li qed tiżviluppa fil-ġuf tal-omm.
Ma nistgħux insolvu dik il-mistoqsija billi sempliċiment ma nsemmuhiex. Lanqas kliem bħal “għażla”, “solidarjetà” u “progress” ma jistgħu jieħu post argument dwar x’inhu dovut moralment lill-bniedem li għadu ma twelidx.
Hawn tinsab, fil-fehma tiegħi, waħda mill-kontradizzjonijiet ta’ żmienna. Minn naħa nitkellmu dwar l-inklużjoni, id-dinjità u l-protezzjoni tal-vulnerabbli. Min-naħa l-oħra, meta naslu għall-ħajja fil-ġuf, dawn l-istess prinċipji donnhom jistgħu jitwarrbu mingħajr ma nistaqsu jekk il-kriterju li qed nużaw huwiex konsistenti.

Mara li tinsab quddiem tqala diffiċli għandha bżonn aktar minn slogan.
Għandha bżonn appoġġ konkret: kura tas-saħħa, għajnuna psikoloġika u finanzjarja fejn meħtieġ, protezzjoni mill-abbuż, akkomodazzjoni u childcare. Soċjetà li trid tiddefendi l-ħajja trid tkun lesta wkoll terfa’ parti mill-piż li ħafna drabi jitħalla fuq il-mara waħedha.
Il-kompassjoni m’għandhiex għalfejn tkun kompetizzjoni bejn żewġ interessi. L-isfida morali hija li nieħdu bis-serjetà kemm lill-mara kif ukoll lill-ħajja li qed tiżviluppa fiha.
U proprju għalhekk id-dibattitu m’għandux jieqaf dwar x’għażla għandu jkollu individwu. Għandu jistaqsi wkoll jekk hemmx limiti għall-għażla meta d-deċiżjoni taffettwa ħajja umana oħra, u fuq liema bażi għandhom jiġu stabbiliti dawk il-limiti.
Jista’ jkun li din tkun sitwazzjoni skomda. Iżda l-fatt li hija skomda ma jagħmilhiex inqas meħtieġa.
Soċjetà ma titkejjilx biss mil-libertajiet li tagħti lil min jista’ jitlobhom. Titkejjel ukoll mill-prinċipji li żżomm meta tkun qed tittratta ma’ min jiddependi kompletament minn ħaddieħor.
Il-progress morali ma jistax iseħħ billi nwessgħu l-għażla. Għandu jkun ukoll li nwessgħu ċ-ċirku ta’ dawk li nqisu li jistħoqqilhom il-protezzjoni tagħna.
Jien se nibqa’ nitkellem bis-saħħa kollha kontra l-abort. Anke jekk nibqa’ waħdi.

