Każ li ġie rrakkontat lili minn persuna ta’ 70 sena u membri tal-familja tiegħu jqajjem mistoqsijiet serji dwar dak li seħħ waqt proċeduri quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech.
Kumbinazzjoni l-istess Maġistrat illi dwarha irċevejt pataflun ta’ informazzjoni relatata mal- aġir tagħha fl-Awla.
Dan ir-raġel kien akkużat f’kawża ippreseduta mill-Maġistrat Frendo Dimech. Jum qabel is-seduta li fiha kellha tingħata s-sentenza, l-akkużat sarlu intervent mediku fl-Isptar Mater Dei u baqa’ rikoverat sabiex jirkupra.
Mela dak il-ħin, dan ir-raġel ma kienx sempliċi akkużat, iżda pazjent.
L-għada filgħodu, Spettur tal-Pulizija mar Mater Dei b’mandat maħruġ mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech sabiex ir-raġel jittella’ taħt arrest quddiemha għas-sentenza.
Ftit sigħat biss wara l-operazzjoni.
Minn hawn jibdew il-mistoqsijiet.
1. Meta nħareġ il-mandat, il-Qorti kienet taf li l-akkużat kien għadu rikoverat Mater Dei wara intervent mediku?
Jekk kienet taf, x’informazzjoni kellha dwar il-kundizzjoni medika tiegħu?
2. Meta l-Pulizija waslet Mater Dei, il-pazjent kien ingħata discharge mediku mill-Konsulent responsabbli minnu?
Nemmen li din mistoqsija faċli ħafna. Iva jew le.
3. Jekk ma kienx ingħata discharge, min awtorizza li jinħareġ mill-isptar?
Kien il-Konsulent responsabbli mill-pazjent?
Tabib ieħor?
L-amministrazzjoni tal-isptar Mater Dei?
Il-Pulizija?
Jew ittieħdet id-deċiżjoni sabiex jiġi eżegwit il-mandat?

