L-istħarriġ ta’ Ottubru tal- MaltaToday juri li Robert Abela għadu jgawdi minn vantaġġ ċar fuq il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg fejn tidħol il-fiduċja personali fit-tmexxija tal-pajjiż.
Skont it-trust barometer, 44.4% jagħżlu lil Robert Abela bħala l-mexxej li fih għandhom l-akbar fiduċja, 35.1% li jagħżlu lil Alex Borg. Differenza ta’ 9.3 punti perċentwali.
Iżda l-aktar ċifra li tispikka hija dik fost il-votanti Laburisti. Xejn inqas minn 92.1% jesprimu l-akbar fiduċja f’Robert Abela, filwaqt li 2.8% biss jagħżlu lil Alex Borg.
Min-naħa l-oħra, fost il-votanti Nazzjonalisti, 81% jagħżlu lil Borg, filwaqt li 6.9% jagħżlu lil Abela.
Dawn iċ-ċifri juru li Abela għandu livell ogħla ta’ appoġġ fost il-votanti tal-partit tiegħu milli għandu Borg fost dawk tal-Partit Nazzjonalista.
Il-messaġġ politiku li joħroġ minn dan l-istħarriġ huwa ċar: l-intenzjoni tal-vot u l-fiduċja fil-mexxej mhumiex l-istess ħaġa, u fil-politika, id-distinzjoni bejn il-popolarità ta’ partit u l-fiduċja fit-tmexxija tiegħu hija waħda li ma tistax tiġi injorata.

