Alex Borg Żamm il-Kariga, Robert Abela Żamm il-Fiduċja

Neville Gafa

~ 6 hours ago

Alex Borg Żamm il-Kariga, Robert Abela Żamm il-Fiduċja

Wara r-raba’ telfa elettorali konsekuttiva tal-PN, l-istħarriġ ta’ MaltaToday jikkonferma realtà politika fundamentali: il-kariga tista’ żżommha b’deċiżjoni tal-partit, iżda l-fiduċja trid tirbaħha mingħand il-poplu.

 

 

 

Din hija l- analiżi tiegħi dwar l- istħarriġ politiku li kien ippublikat fuq il- Malta Today.

 

Robert Abela jibqa’ disa’ punti quddiem Alex Borg. Ifisser li l-poplu jagħraf bejn min diġà wera li jista’ jmexxi u min għadu jrid jikkonvinċi.

 

L-aħħar stħarriġ ta’ MaltaToday, ippubblikat erba’ xhur u nofs wara l-elezzjoni ġenerali, juri li 44.4% jagħżlu lil Robert Abela bħala l-mexxej li jafdaw l-aktar, kontra 35.1% li jagħżlu lil Alex Borg. Distakk ta’ 9.3 punti perċentwali.

 

Punt importanti hu li dan il-vantaġġ jeżisti minkejja li ż-żewġ partiti jinsabu prattikament indaqs fl-intenzjonijiet tal-vot.

 

Fi kliem ieħor, il-vantaġġ personali ta’ Robert Abela huwa akbar mill-appoġġ attwali tal-Partit Laburista.

 

Xi jfisser dan kollu: l- elettorat jista’ jkun lest jivvota kontra Gvern mingħajr ma jkun għadu konvint li l-alternattiva għandha l-esperjenza u l-kredibbiltà biex tmexxi l-pajjiż.

 

Dan huwa punt importanti li l-Partit Laburista jrid jieħu bl- akbar serjetà. Sitwazzjoni serja ħafna li tista tkun ġejja għall- fatt li l- poplu qed jistenna tibdiliet amministrattivi illum qabel għada.

 

Il-Partit Nazzjonalista, wara r-raba’ telfa elettorali konsekuttiva, għażel li jżomm lil Alex Borg bħala Kap. Din hija għażla interna, iżda ġġib magħha sfida għall-PN: irid juri għaliex l-istess persuna li ma rebħitx l-aħħar elezzjoni tista’ twassal għal riżultat differenti.

 

Li tibqa’ wara telfa mhux prova ta’ saħħa; il-prova tkun jekk jirnexxilekx terġa’ tibni l-kredibbiltà. In- numri juru mod ieħor.

 

Robert Abela, min-naħa l-oħra, għandu warajh żewġ rebħiet elettorali konsekuttivi u għadu jżomm vantaġġ ċar fuq il-Kap tal-Oppożizzjoni.

 

Dan ma jeżentax lill-Gvern mill-kritika, u lanqas lill-Partit Laburista milli jwieġeb għas-sinjali dwar l-intenzjonijiet tal-vot, iżda jagħtih responsabbiltà politika li jrid jikkonsolida permezz ta’ riżultati, tiġdid u deċiżjonijiet li jikkonfermaw din il-pożizzjoni.

 

Realtà li ebda partit ma jista’ jaħrab minnha hija li tista’ tagħżel li żżomm mexxej wara li jkun tilef, iżda ma tistax tagħżel f’isem il-poplu li jafdah.

 

Żball li kien għamel il- Partit Laburista meta żamm lil Alfred Sant mexxej wara żewġ telfiet elettorali.

 

Il-kariga tista’ żżommha b’vot intern. Il-fiduċja trid tirbaħha quddiem nazzjon. U bħalissa bejn dawn it-tnejn hemm differenza ta’ disa’ punti li tikkonferma dan kollu.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *