Il-Poplu Għadu Jafda lill-Kaptan, Imma Qed Jitlef il-Fiduċja fl-Ekwipaġġ

Neville Gafa

~ 4 minutes ago

Il-Poplu Għadu Jafda lill-Kaptan, Imma Qed Jitlef il-Fiduċja fl-Ekwipaġġ

Il-Partit Laburista jinsab fuq 48.2% tal-intenzjonijiet tal-vot, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jinsab fuq 48%. Differenza minima ta’ 0.2 punti perċentwali, li taqa’ fil-marġni tal-iżball tal-istħarriġ.

 

Madankollu, fuq livell ta’ fiduċja personali, Robert Abela jikseb 44.4% kontra 35.1% għal Alex Borg. Vantaġġ ta’ 9.3 punti perċentwali favur il-Prim Ministru.

 

 

 

Kif jista’ jkun li mexxej iżomm vantaġġ daqshekk sod fil-fiduċja personali, filwaqt li l-partit li jmexxi jkun tilef kważi kompletament il-vantaġġ elettorali tiegħu?

 

L-elettorat jista’ jkun qed jagħmel distinzjoni bejn il-fiduċja tiegħu f’Robert Abela bħala Prim Ministru u l-ġudizzju tiegħu dwar l-operat tal-Gvern u tal-amministrazzjoni madwaru.

 

Mexxej jista’ jibqa’ jgawdi l-fiduċja personali ta’ parti sostanzjali mill-poplu, filwaqt li l-istess poplu jibda juri sinjali ta’ għeja, frustrazzjoni jew diżappunt lejn aspetti tal-amministrazzjoni tiegħu.

 

Il-poplu jista’ ma jkunx tilef il-fiduċja fil-mexxej, iżda jkun qed jitlef il-paċenzja ma’ dak kollu li jdawwar lill-mexxej.

 

Hemm differenza fundamentali bejn poplu li jrid ibiddel Gvern għax jemmen fl-alternattiva u poplu li jkun lest jivvota kontra Gvern għax ikun diżappuntat b’aspetti tat-tmexxija eżistenti.

 

Fl-ewwel każ, il-vot ikun espressjoni ta’ fiduċja f’direzzjoni ġdida.

 

Fit-tieni każ, il-vot jista’ jkun espressjoni ta’ protesta.

 

Jista’ jkun li parti mill-elettorat qed tikkunsidra li tivvota kontra l-Gvern, mingħajr ma hi konvinta li l-Oppożizzjoni għandha l-esperjenza, il-kredibbiltà u l-kapaċità amministrattiva meħtieġa biex tmexxi l-pajjiż?

 

Hemm ukoll fattur ieħor li ma jistax jiġi injorat.

 

L-istess stħarriġ jindika li 16.9% ta’ dawk li vvutaw lill-Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni issa jgħidu li ma jivvutawx f’każ ta’ Elezzjoni Ġenerali. Dan jista’ jindika li parti mill-isfida Laburista mhix qalba diretta lejn l-Oppożizzjoni, iżda distakk dejjem jikber minn parteċipazzjoni elettorali.

 

Wieħed mill-akbar perikli għall-poter mhuwiex dejjem l-għadu politiku, iżda l-konvinzjoni li s-suċċessi tal-imgħoddi huma garanzija għall-futur. Il-fiduċja li ngħatat ilbieraħ ma tfissirx li hija garanzija għal għada. Kull mandat politiku huwa kuntratt bejn min imexxi u min ikun tah il-fiduċja.

 

U kull kuntratt jitlob mhux biss riżultati, iżda wkoll il-kapaċità li wieħed jagħraf meta ċerti strutturi, persuni jew metodi ta’ tmexxija ma jkunux għadhom jaqdu l-iskop tagħhom.

 

Jekk il-poplu jkun qed jitlob bidla fil-mod kif jitmexxew ċerti istituzzjonijiet, ir-risposta ma tistax tkun billi bħala Partit  nibqgħu nfakkru s-suċċessi elettorali tal-passat.

 

L- elezzjonijiet jagħtu mandat biex wieħed imexxi, iżda ma jagħtux immunità mill-kritika.

 

L-akbar prova ta’ maturità politika mhix kemm partit jirnexxilu jibqa’ fil-poter, iżda kemm ikun kapaċi JĠEDDED lilu nnifsu waqt li jkun għadu fil-poter.

 

 

Konklużjoni — Il-Ħin Politiku Mhuwiex Bla Tmiem

 

L-istħarriġ ta’ MaltaToday għandu jservi bħala riflessjoni serja dwar id-differenza bejn il-popolarità personali ta’ mexxej u l-fiduċja fl-Amministrazzjoni li jmexxi.

 

Il-vantaġġ personali ta’ Robert Abela fuq Alex Borg ma jneħħix il-piż politiku tal-fatt li ż-żewġ partiti jinsabu prattikament ras mb ras.

 

Fl-opinjoni tiegħi, in-nuqqas ta’ tiġdid jew id-diżappunt bil-mod kif jitmexxew ċerti entitajiet huma kwistjonijiet li jeħtieġu azzjoni immedjata, u mhux ġustifikazzjonijiet.

 

L-istorja politika turina li l-fiduċja tista’ ddum aktar mill-paċenzja. Iżda meta l-paċenzja tintemm, il-fiduċja waħedha mhux dejjem tkun biżżejjed.

 

Il-poter ma jibdiex jintilef dakinhar li l-poplu jagħżel alternattiva. Jista’ jibda jintilef ferm qabel, dakinhar li l-poplu jibda jħoss li biex jinstema’, irid iwarrab lil min kien jafda.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *