Il-Budget 2027 tal-Gvern Laburista wassal biex saħansitra l-Kap tal-Oppożizzjoni, Alex Borg, kellu jirrikonoxxi li fih miżuri pożittivi.
Fl-ewwel reazzjoni tiegħu wara d-diskors tal-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana, Borg ammetta li l-Budget jinkludi miżuri tajbin, fosthom it-tnaqqis fit-taxxa u l-għajnuna lill-anzjani.
Madankollu, Borg ipprova jiġbor lilu nnifsu minn shock li ħakmu billi sostna li l-Budget ma jindirizzax il-problema tat-traffiku.
Ta min wieħed jistaqsi: x’inhi eżattament id-dijanjosi ta’ Alex Borg dwar il-problema tat-traffiku, u liema soluzzjonijiet konkreti qed jipproponi?
Għax s’issa, mill-kritika li għamel, ma jirriżultax li ppreżenta analiżi ċara tal-kawża tal-problema, aħseb u ara pjan konkret biex tissolva.
Sadanittant, il-Kap tal-Oppożizzjoni diġà ddikjara li se jkun qed jivvota kontra l-Budget fil-Parlament.
Allura jekk Alex Borg stess jirrikonoxxi li l-Budget fih miżuri pożittivi, kif se jiġġustifika l-vot tiegħu kontra l-Budget?
Il-Kap tal-Oppożizzjoni għandu jispjega għaliex in-nuqqasijiet li identifika jiżnu aktar mill-benefiċċji li hu stess irrikonoxxa.
Alex22 għandu żewġ mistoqsijiet x’iwieġeb matul din il-ġimgħa; x’inhi s-soluzzjoni tiegħu għall-problema tat-traffiku, u għaliex se jivvota kontra Budget li fih miżuri li hu stess iddeskriva bħala pożittivi?

