Hemm mument fejn tilwima industrijali tieqaf tkun kwistjoni bejn union u min iħaddem u tibda tqajjem mistoqsijiet dwar ir-responsabbiltà professjonali, l-etika medika u, fuq kollox, l-interess tal-pazjent.
Qed nirreferi għall-kunflitt bejn l-Assoċjazzjoni Medika ta’ Malta (MAM) u l-awtoritajiet tas-saħħa dwar l-introduzzjoni tat-teknoloġija Point-of-Care Testing (POCT) fiċ-ċentri tas-saħħa.

Qed nitkellmu dwar teknoloġija li tippermetti lit-tobba jiksbu riżultati ta’ testijiet importanti fi ftit minuti, biex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet kliniċi aktar informati, jidentifikaw kundizzjonijiet serji u jiddeċiedu jekk pazjent għandux jingħata kura fil-komunità jew jintbagħat l-isptar.
Madankollu, quddiem din l-opportunità biex titjieb il-kura primarja, il-MAM għażlet it-triq tad-direttivi industrijali, inkluż direttivi li jipprekludu lill-membri tagħha milli jużaw, jikkalibraw jew saħansitra jitħarrġu fuq dan l-apparat.

Kif Tista’ Tikkontesta s-Sigurtà tat-Teknoloġija u Fl-istess Ħin Twaqqaf it-Taħriġ?
Isimgħu din il-kontradizzjoni tal-MAM.
L-Assoċjazzjoni qajmet tħassib dwar is-sigurtà tal-pazjenti u l-użu korrett tat-teknoloġija.
Iżda kif tista’ union professjonali ssostni li hemm riskji marbuta mal-użu ta’ apparat mediku u fl-istess ħin toħroġ direttivi li jwaqqfu t-taħriġ meħtieġ biex dak l-istess apparat jintuża b’mod sigur?
Fejn hi l-loġika?
Fejn hi l-konsistenza?
U fuq kollox, fejn qed jitqiegħed il-pazjent f’din l-ekwazzjoni?
Il-progress mediku ma jistax jitħalla ostaġġ ta’ tilwim industrijali.
Jekk hemm problemi ta’ taħriġ, insolvu t-taħriġ.
Jekk hemm problemi ta’ loġistika, insolvu l-loġistika.
Jekk hemm nuqqasijiet fil-protokolli, intejbuhom.
Imma ma nistgħux naċċettaw mentalità fejn kull bidla ssib quddiemha ħajt ta’ reżistenza.
Nuri appoġġ totali lejn l-Awtoritajiet tas-Saħħa, u fl-istess waqt nappella lill-MAM għal buon sens.

