Parti 1 – Id-dokumenti ġudizzjarji li jqajmu mistoqsijiet serji dwar il-kontinwazzjoni tad-detenzjoni tiegħu.

Illum se nibda nippubblika sensiela ta’ artikli investigattivi dwar il-każ ta’ Jomic Calleja Maatook, ibbażati fuq dokumentazzjoni ġudizzjarja Libjana li tinsab fil-pussess tiegħi, kif ukoll fuq informazzjoni mogħtija mir-rappreżentanti legali tiegħu fil-Libja.
Fit-3 ta’ Awwissu 2025, Jomic tressaq quddiem il-Qorti ta’ Bab Ben Ghashir fi Tripli, ippreseduta mill-Imħallef Abdul Majeed Al-Kouni.
Matul dik is-seduta, il-Prosekuzzjoni talbet sabiex id-detenzjoni tiegħu tiġi estiża bi tletin jum ieħor.
Min-naħa tagħha, id-difiża kkontestat il-legalità tal-proċeduri tal-arrest, billi invokat l-Artikoli 20 u 30 tal-Kodiċi Libjan tal-Proċedura Kriminali.
Wara li semgħet is-sottomissjonijiet taż-żewġ naħat, il-Qorti ddeċidiet li Jomic jingħata l-ħelsien mill-arrest fuq pleġġ ta’ 10,000 dinar Libjan, flimkien mad-depożitu tal-passaport tiegħu u ta’ dak tal-garanti.
Id-deċiżjoni tinkludi wkoll dispożizzjoni dwar estensjoni tad-detenzjoni għal għoxrin jum, li mill-qari preliminari tad-dokument oriġinali bl-Għarbi tidher li kienet marbuta mal-eventwalità li l-kundizzjonijiet tal-pleġġ ma jiġux sodisfatti.
Fil-5 ta’ Awwissu 2025, jumejn wara d-deċiżjoni tal-Qorti, sar depożitu ta’ 10,100 dinar Libjan, kif ikkonfermat mir-rċevuta maħruġa f’isem il-Ministeru tal-Ġustizzja Libjan, bin-numru 0032476.
Skont l-avukati tiegħu, il-garanti ddepożita wkoll il-passaport tiegħu mal-awtoritajiet kompetenti.
Minkejja dawn l-iżviluppi, aktar minn ħmistax-il xahar wara, Jomic għadu miżmum il-ħabs fil-Libja.
Għaliex?
Fuq liema bażi ġuridika għadha qed tiġi estiża d-detenzjoni tiegħu?
Inħarġet ordni ġudizzjarja sussegwenti?
Min intervjena sabiex l-ordni ta’ ħelsien ma tiġix eżegwita?

Dawn mistoqsijiet li joħorġu minn dokumentazzjoni ġudizzjarja.
Il-fatt li Jomic huwa mfittex mill-awtoritajiet Maltin ma jneħħilu ebda wieħed mid-drittijiet fundamentali tiegħu, u lanqas ma jelimina l-ħtieġa li d-detenzjoni tiegħu tkun ibbażata fuq proċeduri legalment validi.
Niċċara wkoll li din l-investigazzjoni minn naħa tiegħi mhix dwar jekk Jomic għandux iwieġeb għall-proċeduri pendenti kontrih f’Malta.
Xejn minn dan.
Se nkun qed nitkellem dwar il-legalità tad-detenzjoni kontinwa tiegħu fil-Libja u r-rwol li seta’ kellhom l-awtoritajiet Maltin f’dan il-proċess.
Fit-tieni parti ta’ din l-investigazzjoni se nindirizza l-informazzjoni mogħtija mill-avukati tiegħu dwar l-intervent tal-Ambaxxata Maltija u n-negozjati li, skonthom, qegħdin iżommu lura l-eżekuzzjoni tal-ordni ta’ ħelsien.
Il-poplu għandu dritt ikun jaf il-verità.

