ESKLUSSIVA – Jomic Calleja Maatook M’Għandu Ebda Akkuża Pendenti fil-Libja

Neville Gafa

~ 15 hours ago

ESKLUSSIVA – Jomic Calleja Maatook M’Għandu Ebda Akkuża Pendenti fil-Libja

Parti 2 – Il-ħelsien tiegħu jiddependi min-negozjati bejn l-Ambaxxata Maltija u l-Avukat Ġenerali Libjan.

 

 

Fl-ewwel parti ta’ din l-investigazzjoni żvelajt dokumenti ġudizzjarji Libjani li juru kif, fit-3 ta’ Awwissu 2025, Qorti fi Tripli ddeċidiet li Jomic Calleja Maatook jingħata l-ħelsien mill-arrest fuq pleġġ.

 

Illum se niżvela informazzjoni oħra ta’ importanza sostanzjali, li rċevejt direttament mill-Awtoritajiet Libjani.

 

Jomic bħalissa m’għandu ebda akkuża pendenti kontrih fil-Libja.

 

Huma ddikjaraw b’mod espliċitu li Jomic mhuwiex qed jinżamm arrestat minħabba xi akkuża kriminali fil-Libja, iżda minħabba li l-Ambaxxata Maltija talbet li jgħaddi f’idejn  l-awtoritajiet Maltin.

 

L-istess sorsi kkonfermaw miegħi ukoll li għaddejjin negozjati bejn l-Ambaxxata Maltija u l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Libjan.

 

Filwaqt li l-Ambaxxata Maltija qed titlob li jgħaddi f’idejn  l-awtoritajiet Maltin, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Libjan għadu qed jirreżisti din it-talba minħabba ċerti raġunijiet jew kundizzjonijiet li d-dettalji tagħhom għadhom mhux magħrufa.

 

Sakemm jintlaħaq ftehim bejn iż-żewġ naħat, Jomic qed jibqa’ miċħud mil-libertà tiegħu.

 

L-avukati kienu kategoriċi fid-dikjarazzjoni tagħhom:

 

“He ought to have been released by now, but this has not happened because the Maltese Embassy is demanding his handover.”

 

 

Fi kliem ieħor, Jomic Calleja Maatook messu ilu li ngħata l-ħelsien, iżda dan għadu ma seħħx minħabba t-talba tal-Ambaxxata Maltija.

 

Ċittadin Malti maqbud f’morsa diplomatiku.

 

Fid-dawl ta’ din l-informazzjoni, għandui xi mistoqsijiet għall-Ambaxxata Maltija:

 

  1. Malta ressqet talba formali għall-estradizzjoni ta’ Jomic jew talbet biss li jingħata f’idejn l-Awtoritajiet Maltin?
  2. Meta saret din it-talba?
  3. Kienet l-Ambaxxata Maltija li talbet li Jomic jibqa’ miżmum arrestat sakemm jintlaħaq ftehim?
  4. X’inhuma l-ostakli li qed ixekklu l-konklużjoni tan-negozjati mal-Avukat Ġenerali Libjan?
  5. Fuq liema bażi legali għadu miżmum arrestat, jekk, kif qed tiddikjaraw l- Awtoritajiet Libjani, m’għandu ebda akkuża pendenti fil-Libja?

 

Minix qed nikkontesta d-dritt tal-Awtoritajiet Maltin li jitolbu r-ritorn ta’ persuna mfittxija mill-ġustizzja Maltija. Iżda dan għandu jsir permezz ta’ proċeduri legalment validi u b’rispett sħiħ lejn id-drittijiet fundamentali tal-persuna.

 

 

Jeħtieġ però li jiġi stabbilit ukoll jekk teżistix ordni ġudizzjarja Libjana li tawtorizza d-detenzjoni attwali tiegħu.

 

In-negozjati diplomatiċi ma jistgħux, fihom infushom, jissostitwixxu bażi legali valida għaċ-ċaħda tal-libertà.

 

Fit-tielet parti ta’ din l-investigazzjoni se nindirizza aspett ieħor sensittiv ħafna tal-każ: il-konklużjonijiet tar-rapport mediku-forensiku dwar il-mewt ta’ mart Jomic, kif ġew ikkomunikati lili mill- Awtoritajiet Libjani.

 

Ikompli…

 

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *