Search
Close this search box.

Inawgurat Ġnien Carmelo Dimech fil-Mosta wara li ġie riġenerat

Neville Gafa

~ 3 weeks ago

Inawgurat Ġnien Carmelo Dimech fil-Mosta wara li ġie riġenerat

il-ġnien iffoka fuq is-sostenibbiltà u l-involviment tal-komunità. Dan il-proġett tlesta u ġie inawgurat it-Tnejn, permezz ta’ kollaborazzjoni bejn Ambjent Malta, Xogħlijiet Pubbliċi u l-Kunsill Lokali tal-Mosta.

 

 

Dan il-ġnien ġie inawgurat mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli, is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia, u s-Sindku tal-Mosta Joseph Gatt flimkien mal-Kunsilliera lokali tal-Mosta.

 

Dan il-proġett huwa parti mill-kollaborazzjoni bejn Ambjent Malta u x-Xogħlijiet Pubbliċi biex itejbu l-ispazji pubbliċi u jippromwovu s-sostenibbiltà ambjentali. Il-ġnien issa jinkludi pjanti li huma addattati għall-klima ta’ pajjiżna, sistema ta’ irrigazzjoni, u mulching biex jikkonserva l-ilma u jipprevjeni s-soil erosion. Aktar minn3,000 pjanta staġjonali, siġar, u arbuxelli ġew imħawwla biex isebbħu l-ambjent tal-ġnien.

 

Il-karatteristiċi ewlenin tal-proġett jinkludu ġibjun tal-ilma b’kapaċità ta’ aktar minn 100 metru kubu, iddisinjat biex jiġbor l-ilma tax-xita u jtejjeb l-immaniġġjar tal-ilma fil-ġnien. L-ispazju jinkludi mogħdijiet solari (solarpaving) li se jiġġeneraw l-elettriku meħtieġ għall-pompi tal-ilma u dawl tal-ġnien. Ġiet installata wkoll struttura ġdida li bil-moviment tat-tfal tkun qed tiġi ġġenerata enerġija rinovabbli.

 

 

Il-Ministru Miriam Dalli enfasizzat lir-rwol essenzjali tal-ispazji miftuħa għall-benefiċċju tal-komunità. “It-trasformazzjoni ta’ Ġnien Carmelo Dimech hija xhieda tal-viżjoni tagħna għal żoni pubbliċi li jagħtu prijorità lis-sostenibbiltà. Billi noħolqu spazji miftuħa siguri u sbieħ, inkunu qed nagħmlu kull lokal post aħjar fejn ir-residenti jistgħu jgħixu u jikbru f’element ta’ komunità iktar b’saħħitha,” qalet il-Ministru Dalli.

 

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia saħaq kif dan il-proġett ġdid ta’ spazju miftuħ huwa wieħed mill-ewwel proġetti kofinanzjat mill-Framework Agreement iffirmat mal-kunsilli lokali fl-aħħar xhur. “Dan il-Framework, minbarra li se jkun ta’ spalla għall-kunsilli lokali Maltin huwa impenjat li joħloq kwalità ta’ ħajja aħjar għall-pubbliku,” qal is-Segretarju Parlamentari Farrugia.

 

Il-ġnien huwa miftuħ 24/7 u fih smart benches, Wi-Fi, sistema ta’ CCTV, u funtana tal-ilma tax-xorb, li jagħmlu dan l-ispazju sigur u aċċessibbli għall-komunità kollha.

 

 

Ġnien Carmelo Dimech fil-Mosta huwa wieħed mill-ispazji miftuħa li ħadem fuqhom il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir permezz tal-entitajiet tiegħu. Proġetti oħra jinkludu Ġnien ta’ fuq il-Glażiż fil-Birgu, il-Park tal-Familja f’Birżebbuġa, Ġnien Romeo Romano f’Santa Venera, Ġnien San Filippu fil-Floriana, Ġnien Victor Calvagna fil-Mosta, Ġnien ir-Rnella fil-Kalkara, l-estensjoni ta’ San Klement f’Ħaż-Żabbar, Ġnien id-Dakkara f’San Ġwann, Ta’ Ġawhar Picnic Area u l-park tal-klieb f’Ħal Safi, fost oħrajn.

 

Intant, għaddejjin ix-xogħlijiet fuq diversi proġetti f’lokalitajiet differenti: Santa Luċija, il-Mellieħa, Ħal Lija, Ħal Luqa, u Ħal Kirkop.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *