Search
Close this search box.

Messaġġ lid-Delegati minn Christian Attard

Neville Gafa

~ 3 months ago

Messaġġ lid-Delegati minn Christian Attard

Ħbieb,

 

Jien ngħix iż-Żejtun u għandi 38 sena u naħdem fis-Segretarjat għad-Djalogu Soċjali fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Qabel kont naħdem fl-industrija bħala maniġer tal-finanzi f’lukanda l-Belt.

 

Trabbejt man-nanniet wara t-telfa tal-għażiża ommi u għalhekk mhux dejjem kienet trobbija faċli, imma bis-saħħa tal-imħabba li dejjem tawni u l-inkoraġġiment tagħhom bqajt dejjem nimxi ’l quddiem, dejjem tiela’ tarġa war’oħra. Dak li ksibt f’ħajti nafu lill-għeżież nanniet.

 

Il-prinċipji li trabbejt fihom huma l-prinċipji li għalihom ġie mwaqqaf il-Partit tal-Ħaddiema ftit aktar minn mitt sena ilu. Prinċipji ta’ opportunitajiet indaqs fid-dinja tax-xogħol, ta’ ġustizzja soċjali li tgħin liż-żgħir u lill-batut biex jitla’ ’l fuq: prinċipji progressivi.

 

Matul dawn l-aħħar snin ħassejt li għandi ninvolvi ruħi iktar b’impenn fil-Partit Laburista u bdejt billi ħriġt għall-Kumitat Lokali taż-Żejtun. Wara ġejt avviċinat u kkontestajt għall-ewwel darba biex inkun wieħed mit-tnax-il membru tal-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Partit u ġejt elett minnkom id-delegati sħabi biex inservi lill-Partit Laburista.

 

Fit-8 ta’ Ġunju li għadda kkontestajt għall-ewwel darba ukoll għall-elezzjoni tal-Kunsill Lokali taż-Żejtun taħt il-kappa tal-Partit fejn ġejt elett fl-ewwel għadd b’958 vot.

 

Se nkun qed nerġa’ nitfa n-nomina tiegħi għat-tieni darba konsekuttiva għal wieħed mit-tnax-il membru ordinarju tal-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Partit li tant inħobb.

 

Nirringrazzja lil dawk kollha li avviċinawni biex nitfa din in-nomina. Nistqarr magħkom li l-isfida li tikkontribwixxi fl-akbar Partit politiku f’Malta mhijiex waħda żgħira, imma b’enerġija u b’umiltà se nkun qed naqdiha bl-akbar onestà, impenn u lealtà biex flimkien inkomplu niksbu suċċess war’ieħor.

 

Jien nixtieq inkun il-vuċi tagħkom. Kif dejjem għamilt, għax jien wieħed minnkom, nisma’ b’attenzjoni u nagħti widen lil kull delegat, ġej minn fejn ġej u fejn nista’,

 

ngħin lil kull min għandu bżonn l-għajnuna tiegħi. Dan mhux bi pjaċir imma b’dover u dejjem jekk tisilfuni l-fiduċja tagħkom.

 

Flimkien nistgħu niksbu ħafna jekk inkunu magħqudin u naħdmu b’ħeġġa u determinazzjoni għall-ġid tal-Partit Laburista.

 

Nieħu din l-opportunità biex nawgura wkoll lil sħabi l-kandidati, kull suċċess u aktar ħidma u fuq kollox nirringrazzja lilkom sħabi delegati għall-impenn tagħkom fil-Partit Laburista.

 

Christian Attard

Kandidat Elezzjoni Eżekuttiv Nazzjonali

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *