Search
Close this search box.

Jitlesta l-proġett tal-Iskola Primarja ġdida fir-Rabat, Għawdex.

Neville Gafa

~ 14 hours ago

Jitlesta l-proġett tal-Iskola Primarja ġdida fir-Rabat, Għawdex.

 

Mill-bidu tas-sena skolastika li se tibda il-ġimgħa d-dieħla, l-istudenti u l-edukaturi tal-Iskola Primarja f’Għawdex se jibdew igawdu minn ambjent edukattiv ġdid b’investiment ta’ madwar €18-il miljun.​

 

Dan il-proġett kien jinvolvi l-bini ta’ skola primarja ġdida fir-Rabat, Għawdex, li ħadet post l-iskola l-antika u li kellha madwar 170 sena, kif ukoll kien jinkludi t-tkabbir u l-immodernizzar tal-Iskola Medja fl-istess kampus.

 

L-iskola l-ġdida tinsab fil-kampus edukattiv li diġà hemm fir-Rabat. Dan il-kampus huwa l-uniku wieħed tax-xorta tiegħu f’pajjiżna għaliex jinkludi ċentru għall-ħarsien tat-tfal, kindergarten, skola primarja, skola medja, skola sekondarja, kif ukoll is-Sixth Form.

 

“Dan huwa proġett ieħor li huwa parti mill-investiment infrastrutturali bla preċendent li qed nagħmlu fis-settur edukattiv. Illum qed naraw skola ġdida, moderna u mgħammra bl-aqwa attrezzi possibbli li minnhom se jibbenefikaw l-edukaturi u l-istudenti tagħna,” qal il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, li flimkien mal-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri, għamel żjara fil-post.

 

Il-Ministru Clint​ Camilleri qal li issa, wara 170 sena fejn l-iskola tal-Vajrinġa qdiet il-funzjoni tagħha, il-Belt Victoria se jkollha skola Primarja ġdida biex tilqa’ l-ħtiġijiet edukattivi tal-illum u tal-futur. “Qed nassistu għall-investiment bla preċedent, investiment wieħed wara l-ieħor fil-qasam edukattiv f’Għawdex.

 

Wara ir-rinnovar estensiv fin-Nadur, u titjib ieħor li sar matul ix-xhur tas-sajf f’numru ta’ skejjel f’Għawdex, illum qed nesperjenzaw dan l-ambjent mill-isbaħ li fi ftit tal-jiem oħra se jilqa’ numru ta’ studenti u edukaturi,” qal il-Ministru Clint Camilleri.

 

“Iżda l-investiment b’risq uliedna mhux se jieqaf hawn, għaliex flimkien mal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS), matul is-sena li ġejja se nirrinovaw b’mod totali żewġ skejjel Primarji oħra, dik taż-Żebbuġ kif ukoll Ta’ Kerċem. Se nagħmlu dan billi nassiguraw li l-istudenti u l-għalliema ma jiġux trasferiti fi skejjel oħra imma se jibqgħu fuq is-sit, kif għamilna fin-Nadur,” temm jgħid il-Ministru Clint Camilleri.

 

 

L-Iskola Primarja l-ġdida għandha 16-il klassi għas-snin tal-edukazzjoni primarja u 10 klassijiet għall-kindergarten, kif ukoll klassijiet għal suġġetti speċifiċi, fosthom għat-tagħlim tax-xjenza, tat-teknoloġija tal-informatika u tal-arti. L-iskola primarja u l-kindergarten flimkien kapaċi jilqgħu madwar 650 tifel u tifla.  Fil-binja tal-iskola l-ġdida hemm ukoll ċentru għall-ħarsien tat-tfal u bosta faċilitajiet sportivi.

 

L-iskola għandha daqs ta’ madwar 8,000 metru kwadru, bi 3,000 minnhom għall-isport u r-rikreazzjoni tat-tfal. Bħala parti minn dan il-proġett sar ukoll it-tkabbir u l-immodernizzar tal-Iskola Medja li hemm fl-istess żona.

 

Ix-xogħlijiet ta’ skavar u kostruzzjoni saru taħt is-sorveljanza ta’ arkeoloġisti tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali minħabba li fis-sit instabu fdalijiet arkeoloġiċi. Dawn ġew preservati billi nbena ċentru ta’ interpretazzjoni arkeoloġika fi ħdan il-binja tal-iskola.  Dan se jgħin lit-tfal tal-iskola fl-għarfien tal-importanza li nirrispettaw u ngħożżu l-patrimonju kulturali u storiku.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *