Mela tat-Times għamlu storja fejn tkażaw li ġiet inawgurata latrina f’Marsaxlokk u li għall-avveniment kienu preżenti l-Ministru Owen Bonnici , is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli u s-Sindku Stephen Grech flimkien ma’ uhud mill-Kunsilliera tal-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk.
B’xi mod iddefset ukoll id-deputata Nazzjonalista Janice Chetcuti. Imma dik ma jimpurtax.
U l-botti f’din l-istorja ma tantx kienu ħelwin u din l-istorja imbierek alla żammewha iktar minn ġurnata sħiħa fil-portal. Ovvjament dan għaliex ħareġ biha l-paladin tat-Times Jason Azzopardi li mbierek Alla sar donnu għandu kontroll editorjali tat-Times.
Li provaw iċekknu u jitfgħu bejn is-sentenzi tat-Times kienet li l-ġurnata tal-Ħadd li għadda nzertat Jum Marsaxlokk organizzat mill-Kunsill fejn kien hemm sensiela ta’ avvenimenti li għalihom attendew il-Ministru Bonnici u s-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli bħala l-politiċi responsabbli mill-Kunsilli Lokali.
L-ewwel bdiet quddiesa, li għaliha Bonnici u Zerafa Civelli (u Chetcuti) attendew. Imbagħad wara kien hemm żjara għal din il-latrina li saret b’fondi mill-Ministeru ta’ Bonnici u Zerafa Civelli li rridu ngħidu kienet meħtieġa ħafna kemm għas-sajjieda u kif ukoll għat-turisti li jżuruha. Kien hemm ħafna ilmenti fuq hekk u prosit lill-Kunsill li indirizzaha. Imbagħad kien hemm l-avveniment fejn ingħataw premjijiet lil diversi Xlukkajri li ħadmu għal-lokalita’ matul is-snin.
Ġew premjati Carmel Vella, Josephine Ebejer Grech, Elenia Desira, Stephen Caruana, Dr Mary Muscat u Michael Zahra li dan tal-aħħar ngħata’ Ġieħ Marsaxlokk. Bonnici u Zerafa Civelli attendew u anke tkellmu f’din l-okkażjoni.
Aħna rridu politiċi li jkunu qrib in-nies u napprezzaw li Bonnici u Zerafa Civelli ddedikaw il-Ħadd biex ikunu qrib ix-Xlukkajri u l-Kunsill Lokali. Żgur li ma rridux poliċi maqfulin ġo torrijiet tal-avorju, kif donnhom jippreferu tat-Times.