Se ngħid bla tlaqliq.
Il-Gvern għandu jinjora il-konklużjonijiet tal-Inkjesta Pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia għall-fatt li din hija irrelevanti.
Għaliex qed ngħid hekk?
Mela l-Bord tal-Inkjesta Pubblika fuq l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia kkonkluda li l-Istat għandu jerfa’ r-responsabbiltà għall-qtil tal-ġurnalista billi ħoloq atmosfera ta’ impunità.
Tajjeb ukoll!
Mela Daphne Caruana Galizia, Alla jagħtiha l-maħfra għal dnubietha, qalet pubblikament u permezz tal-kitba fil-blog tagħha li rrifjutat diversi drabi li jkollha assenjat Fixed Points mill-Pulizija.
Xi jfisser jkollok Fixed Points?
Ifisser li jkollok għassa minn Uffiċjal tal-pulizija wara l-bieb tad-dar għal 24 siegħa kuljum.
Għaldaqstant, ma tridx tkun għaref biex tifhem li kieku ma kellhiex rasha iebsa, l-għassa tal-pulizija wara biebha ċertament kienet tipprevjeni il-mewt kif wara kollox lkoll nixtiequ.
“It’s a funny old world, isn’t it? The woman who writes the blog has no police protection and doesn’t want it.” – Daphne Caruana Galizia, Blog tal-5 ta’ Frar 2016.
Din hi waħda minn sensiela ta’ dikjarazzjonijiet li Daphne Caruana Galizia ma ridetx il-protezzjoni tal-Pulizija.
Dan ifisser ukoll li s-Sinjura Caruana Galizia saħansitra rrifjutat il-protezzjoni tal-Istat, li mbagħad oħroġ ‘il għaġeb instab responsabbli għall-qtil tal-ġurnalista.
Ippermettilu nfakkar l-inizjattiva tal-mibki Dr. Joe Brincat, suldat tal-azzar. Dan kien ippreżenta quddiem l-inkjesta għadd ta’ screen shots ta’ kitbiet tas-Sinjura Caruana Galizia tirrifjuta fixed points. Fost il-kitbiet tagħha kien hemm waħda partikolari fejn qalet li l-klieb huma aktar importanti mill-Pulizija.
Din l-Inkjesta Pubblika hi irrelevanti. Inkjesta li ħadet sena setgħet faċilment ingħalqet wara siegħa.
Nappella lill-Gvern sabiex jinjora il-konklużjonijiet tal-Inkjesta Pubblika.