F’dawn l-aħħar snin, fil-korp tal-Pulizija kien għaddej taħriġ f’diversi oqsma sabiex il-membri tal-Korp ikunu aktar professjonali kemm meta jagħtu servizz kif ukoll fiż-żamma tal-Ordni Pubblika.
Ta’ min ifakkar li ġewwa l-MCAST, membri tal-Korp jingħataw l-opportunità li jipparteċipaw fi programmi ta’ taħriġ marbuta mal-komunikazzjoni, fosthom kif għandhom jikkomunikaw mal-pubbliku in ġenerali.
Dan wara ftehim iffirmat bejn il-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Korp tal-Pulizija.
Għaliex qed ngħid dan?
Mhux sew li wara li l-Korp tal-Pulizija qed jinvesti fil-membri tiegħu sabiex ikunu aktar professjonali, issib individwi bħal l-Uffiċjal Clive Mallia, li bl-imġieba oxxena tiegħu jtappan lill-Korp tal-Pulizija.
Nerġa’ ntenni dak li ktibt qabel; pulizija li jidgħi ripetutament b’Alla u bl-ostja mhux postu fil-Korp tal-Pulizija. Ma hemm ebda ġustifikazzjoni għal dan l-att moqżież.
Dan huwa skandlu għal dawk it-tfal li inzertaw semgħu u segwew il-filmati li ġew leaked fil-mezzi soċjali.
Barra minn hekk, intbagħat messaġġ ħażin dwar il-Korp tal-Pulizija, li fil-maġġoranza assoluta tagħhom huma professjonali u eżemplari fil-ħidma tagħhom.
Infakkar x’ kienet qalet fi Frar 2023 Ms. Stefania Sgandurra, Direttur Ġenerali ‘Strategy and Support’ fi ħdan il-korp waqt ċerimonja għal dawk il-Pulizija li kienu temmew b’ suċċess kors fl- MCAST;
“Communication is an integral part of the Malta Police Transformation Strategy (2020-2025) and this training will be assisting our members in the implementation of our mission to provide a professional and trusted policing service to provide safety and security in partnership with the community.”
Waqt li nikkundanna kull vjolenza fuq il-pulizija, però nagħmilha ċara li pulizija li jidgħi ripetutament b’Alla u bl-ostja mhux postu fil-Korp tal-Pulizija.