Nhar it-23 ta’ Settembru 2024, permezz ta’ email indirizzat lil Ms. Catherine Sciberras, Manager tal-Uffiċċju Komunikazzjoni, dan is-sit bagħat għadd ta’ mistoqsijiet lill-Arċidjoċesi ta’ Malta. Dan relatat mal-Omelija tal-Eċċellenza Tiegħu l-Arċisqof fl-okkażjoni tas-60 anniversarju mill-Indipendenza.
Ftakru d-data; 23/09/2024.
Għadda xahar, u minkejja li bagħat bosta reminders, u minkejja li ma nafx kemm ‘il darba ċempilt il-Kurja tal-Arċisqof nistaqsi għal Catherine Sciberras, din is-Sinjura li hija l-porta voce tal-Eċċellenza Tiegħu baqgħet tirrifjuta li tagħmel kuntatt miegħi.
Qisni għandi l-pesta.
Qabel ma ninsa, nagħti ħajr lill-kollegi tagħha fl-uffiċju għaliex għamlu minn kollox biex din tkellimni. Iżda kollu għal xejn.
Iddeċidejt li nippubblika l-korrispondenza bit-tama li Charles Ġuda tmissu l-kuxjenza u jweġibni, kif kien għamel snin ilu meta permezz ta’ ritratti esponejt il-vettura tiegħu f’post mhux awtorizzat għal parkeġġ f’ Bormla.
Dakinhar tgħidx kemm kien ħadha bi kbira u saħansitra bagħat nies minn tiegħu jkellmuni fl-uffiċċju tiegħi.
Qed nippubblika l-email fl-intier tagħha.
Ms. Catherine Sciberras
Manager tal-Uffiċċju Komunikazzjoni
Arċidjoċesi ta’ Malta
Il-Kurja tal-Arċisqof,
Pjazza San Kalċidonju,
Il-Furjana, FRN 1535
23 ta’ Settembru 2024
Għażiża Ms. Sciberras,
Insellimlek.
Jien Neville Gafà u qed nikteb f’isem is-sit elettroniku nevillegafa.com
Segwejt b’attenzjoni l-Omelija tal-Eċċellenza Tiegħu l-Arċisqof fl-okkażjoni tas-60 anniversarju mill-Indipendenza u nixtieq nistaqsih xi mistoqsijiet.
Ippermettili nagħmel xi mistoqsijiet, liema tweġibiet nippubblikahom fuq is-sit elettroniku tiegħi.
Mistoqsijiet
Taħseb li l-banek qed jitħanżru fl-ekonomija dinjija u Maltija?
Fil-mument li l-APS tixtri l-Bank HSBC, se jibda jsellef mingħajr imgħax lil żgħażagħ li jixtru darhom, kif jagħmlu banek Iżlamiċi?
Tikkunsidra li l-APS jagħmel hekk kif kien appella l-mibki Dun Ang Seychell?
Lest tagħti ordni biex il-parroċċi u għaqdiet kollha tal-knisja ma jaċċettawx donazzjonijiet minn min jissemma’ f’każijiet dubjużi?
Kif tikkummenta fuq il-fatt li int personali mort tbierek propjetajiet ta’ zviluppaturi li huma msemmija f’ każijiet dubjużi?
Skont it-tagħlim tal-Knisja Kattolika, l-abort huwa l-akbar qtil ta’ ilħna innoċenti. Se tibqa’ tagħti spazju fuq il-mezzi tax-xandir tal-Knisja lil min hu favur l-abort?
Il-Knisja tmexxi numru ta’ djar tal-anzjani waħedha jew bi sħab. Tista’ tgħidilna kemm timpjega ħaddiema barranin?
Tista’ tgħidilna kemm tħallsuhom aktar mill-Paga Minima?
Tista’ tgħidilna jekk tħallsux lill-barranin kollha daqs il-Maltin?
Qatt kellkom xi lmenti dwar abbużi relatati mal-kundizzjonijiet tax-xogħol?
Tista’ tghidilna kemm hu żmien medju li jieħu biex jinħareġ annullament ta’ żwieġ?
Tislijiet.
Fl-artiklu li jmiss se nippubblika parti oħra minn din il-korrispondenza.