Fil-jiem li għaddew spjegajt kif diversi professjonisti jiġu dixxiplinati meta jiżbaljaw.
Iżda mhux hekk nistgħu ngħidu fil-konfront tal-ġurnalisti.
Fil-Qorti l-ġimgħa l-oħra assistejna għal-rappurtaġġ li fi kliem xhud prinċipali kien skorrett. Minn-naħa tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) ħareġ jikkundanna lix-xhud dwar kummenti li kiteb fil-konfront tal-ġurnalisti, iżda sakemm qed nikteb dan l-artiklu għadu ma ħabbarx li qed jinvestiga jew ser jinvestiga lil dawk il-ġurnalisti responsabbli mir-rappurtaġġ u jivverifika jekk dak li ġie rrapportat minnhom hux korrett u skont dak li xehed wieħed mix-xhieda.
Nistaqsi lill-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin;
Qed tieħdu in konsiderazzjoni li rappurtaġġ skorrett jista’ jagħmel ħsara lir-reputazzjoni tal-persuna?
Qed tieħdu in konsiderazzjoni li rappurtaġġ skorrett jista’ jippreġudika l-każ?
F’każ li l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin jinvestiga u jistabbilixxi li r-rapportaġġ kien skorrett, il-ġurnalisti se jintalbu jagħmlu apoloġija lix-xhud?
Se jintalbu jippubblikaw kjarifika għas-sodisfazzjon tal-individwu?
X’miżuri dixxiplinarji jistgħu jittieħdu?
Madankollu, oltre minn hekk, nemmen li huwa fl-obbligu tal-Istat Malti li jassigura illi l-poplu jkun protett minn ġurnalisti li jridu jabbużaw.
Meta wieħed jikkunsidra l-ammont tal-libelli ma jeċċedix il-11,646.87 Ewro, allura wieħed jasal fil-konklużjoni din mhux libertà tal-espressjoni iżda liġi tal-ġungla.
Din ir-realtà twassal għal mistoqsijiet elementari;
Meta kien l-aħħar li giet emendata din l-liġi?
Wasal iż-żmien li jogħla l-ammont ridikolu tal-libelli?
Għal lum nieqaf hawn.