Search
Close this search box.

It-Triq Rurali li Sfrondat f’Chadwick Lakes qed Tinbena mill-Ġdid

Neville Gafa

~ 4 months ago

It-Triq Rurali li Sfrondat f’Chadwick Lakes qed Tinbena mill-Ġdid

Miexi ġmielu x-xogħol fuq il-bini mill-ġdid ta’ triq rurali fiċ-Chadwick Lakes, b’kollaborazzjoni bejn Infrastructure Malta u l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma. 

 

Ix-xogħol, li qed isir, hu intiż biex isaħħaħ il-ħajt tal-banjijiet, li minnhom jgħaddi l-ilma tax-xita, filwaqt li qed jissaħħaħ il-pedamenti għat-triq biex tiżdied is-sigurtà u l-aċċessibilità. 

 

Dan ix-xogħol beda wara li parti mit-triq fl-inħawi ta’ Wied il-Qlejgħa u fl-inħawi ta’ Slampa fir-Rabat, ċedew. 

 

Fl-aħħar snin, partijiet mill-ħajt li kien jifforma wieħed mill-akbar baċiri tal-ilma f’Chadwick Lakes, ċeda minħabba ċaqliq u erożjoni madwar il-pedamenti tiegħu. 

 

Dan wassal biex parti mit-triq li tiskorri eżatt mal-ġenb ta’ dan il-baċir ċediet u ntilef l-aċċess minn parti għall-oħra.  

 

Waqt żjara fuq il-lant tax-xogħol mill-Ministru għall-Ambjent, Miriam Dalli, u l-Ministru għall-Infrastruttura, Chris Bonett, ġie spjegat li, biex jiġi evitat ir-riskju li l-kumplament tal-ħajt ikompli jċedi wara xi maltempata, il-kumplament tal-ħajt li jżomm it-triq u li jifforma l-baċir qed jiġu ristrutturati mill-qiegħ. 

 

Ix-xogħol jinkludi bini ta’ żewġ ringieli ta’ kolonni fl-art li qed jintużaw biex isaħħu l-art eżistenti li tifforma l-ġenb tal-baċir. B’kollox qed jinbnew 180 pilastru, li huma neċessarji biex joffru pedamenti sodi minħabba li l-ġeoloġija f’din iż-żona hi kkaratterizzata minn tafal u blat kemmxejn dgħajjef. 

 

 

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, Manuel Sapiano, spjega li l-baċir, li fuqu għaddej ix-xogħol, jesa’ mal-ħamsa u tletin elf metru kwadru ta’ ilma, li jagħmlu użu minnu l-bdiewa tal-madwar. 

 

“Bħalissa qed isiru xogħlijiet li jiżguraw is-saħħa u s-sigurtà ta’ din it-triq biex dan il-proġett ikun jista’ fil-futur jibqa’ jintuża u jieħu l-volum massimu ta’ ilma u nkomplu ngħinu lis-settur agrikolu fiż-żona ta’ Wied il-Qlejgħa.”

 

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Steve Ellul, innota li, lil hinn mill-aspett infrastrutturali tal-proġett, qed tingħata importanza qawwija lill-ambjent u s-sostenibbiltà. 

 

“Dan hu proġett tipiku li Infrastructure Malta qed timbotta ’l quddiem. Proġett infrastrutturali, imma fl-istess ħin jagħti importanza qawwija għall-ambjent u għas-sostenibbiltà. Qed naraw proġett li qed isir b’kollaborazzjoni tajba ħafna mal-Energy and Water Agency, fost numru ta’ entitajiet oħrajn, u rridu naraw aktar proġetti bħal dawn li jpoġġu ’l quddiem l-ambjent u l-infrastruttura flimkien.”

 

Ix-xogħol qed isir taħt il-monitoraġġ tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi u s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali. 

 

Sors – One News

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *