Għeżież ġentili Delegati,
Kif tafu, nhar il-Ġimgħa 13 ta’ Settembru, fi ħdan il-Partit Laburista se tkun qed issir elezzjoni ħalli għal darb’oħra teleġġu l-membri tal-ogħla struttura tiegħu, ċoè l-Eżekuttiv Nazzjonali.
Fil-fehma tiegħi, hemm taħlita tajba ta’ kandidati li diġà taw snin ta’ servizz lill-Partit permezz ta’ din l-istruttra kif ukoll kandidati oħra li bħali, se jkunu qegħdin jikkontestaw għall-ewwel darba. B’hekk tkun qed tiġi żgurata taħlita bbilanċjata bejn esperjenza u tiġdid.
Qiegħed insemmi t-tiġdid għax nemmen illi wasal iż-żmien sabiex bħala partit politiku nerġgħu niġġeddu bl-istess mod li bih konna ġġeddidna wara li konna għamilna tlieta u għoxrin sena fl-Oppożizzjoni. Ma ninsa qatt kif fl-2013 konna morna għall-Elezzjoni Ġenerali b’mod kunfidenti, għax konna ppreparati sa snienna u nemmen li l-aqwa mod li bih qatt nistgħu nirbħu lill-avversarji tagħna huwa billi nkunu ppreparati.
Konna identifikajna l-formula rebbieħa li minnha għadna ngawdu minnha sal-ġurnata tal-lum. Issa jeħtieġ nkomplu nipperfezzjonaw din il-formula fl-inkwadratura tal-għeruq soċjalisti tal-Partit tal-Ħaddiem.
B’hekk nistgħu nkomplu nkunu l-iżjed forza politika rilevanti għan-nies. Ma nistgħux naffordjaw li nreġġgħu l-arloġġ lura u ma nibqgħux l-għażla naturali tal-poplu Malti u Għawdxi, inkella nerġgħu lura għal żmien l-inkwiżizzjoni Nazzjonalista.
Biex dan ma jerġax iseħħ, jeħtieġ li ponn wieħed wara l-Prim Ministru tagħna, Dr Robert Abela, inkomplu nagħtu s-saħħa lill-Partit Laburista.
Kwalunkwe inizjattiva trid tgħaddi mill-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Partit Laburista – għalhekk jeħtieġ li l-Eżekuttiv ikompli jiġġedded dejjem iżjed ħalli jekk Alla jrid, ftit iżjed minn sentejn oħra l-Partit Laburista jkun jista’ jerġa’ jmur b’wiċċu minn quddiem għall-Elezzjoni Ġenerali.
Jien qiegħed noffri ruħi bħala kandidat għall-elezzjoni tal-membri tal-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Partit Laburista, għax ġenwinament nemmen:
Li jkollok Partit Laburista san hu dritt tiegħek. Li int, bħala Laburist, tkun ippremjat għal-lealtà li dejjem urejt lejn il-Partit Laburista hu dritt tiegħek. Li l-Partit Laburista jibqa’ fidil lejn l-għeruq tiegħu, hu dritt tiegħek.
Għeżież Delegati tal-Partit Laburista, bija fl-Eżekuttiv Nazzjonali għandkom is-serħan il-moħħ li se jkollkom tarka ħalli l-elenku li għadni kemm għamilt jiġi attwat fl-intier tiegħu!
Għodduni tagħkom,
Dr. Edward Cassar Delia
Kandidat għall-Ezekuttiv Nazzjonali tal-Partit Laburista
Tel: 99444567
E-Mail: edorcade@gmail.com