Search
Close this search box.

Anthony Agius Decelis – “Min Inti?”

Neville Gafa

~ 2 months ago

Anthony Agius Decelis – “Min Inti?”

Għamilna kwazi nofs siegħa nitkellmu, b’ħarsa ffriżata ħarset lejha. Għajnejha f’għajnejja u b’leħen miksur staqsietni… inti min inti?

 

Ġanni u Pawla ġew lura Malta mill-Awstralja kont iltqajt magħhom ftit wara li kienu rranġaw id-dar tagħhom fil-Mosta. Konna niltaqgħu b’mod regolari. Ġanni kien attivist kbir fil-Partit Laburista u kull meta konna niltaqgħu kien ta’ spiss jirrakkontali kif kellu jemigra minn Malta għax f’Malta ma kienx hawn l-ebda opportunità ta’ xogħol u kif l-emigrazzjoni kienet soluzzjoni li gvern Nazzjonalista taż-żmien sittinijiet.

 

Maltin li emigraw

 

Dan kien juża l-emigrazzjoni biex bagħat ħafna żgħażagħ Maltin u Għawdxin lejn diversi pajjiżi madwar id-dinja għas-sempliċi raġuni li futur f’Malta u Għawdex ma kienx hawn. Skond Ġanni, kienu anke jorganizzaw il-banda biex min jkun sejjer jitlaq mill-pajjiz ikollu marċi brijjużi bħal donnu jgħidulu saħħa qabel ma jaqbad il-vapur għat-triq it-twila. Tliet xhur baħar jivjaġġaw sakemm jaslu fid-destinazzjoni tagħhom. Ġanni ma kienx jaf bl-ebda lingwa oħra u allura kien juża ħafna s-sinjali. Maż-żmien kien dera jgħid xi kelma l-hemm u l-hawn u kien jiddobba biex jiftiehem mal-ħbieb tiegħu ġodda fl-art il-ġdida li kien qiegħed jgħix fiha.

 

Pawla mara tal-familja, żgħira fid-daqs, nadifa tazza u dejjem sejra. It-tfal kienu d-dinja tagħhha u n-neputijiet aktar. Moħħha dejjem biex torganizza l-ikliet u tistieden lill-ħbieb u lill-familja ħalli flimkien jgħaddu xi serata fil-frisk tal-ġardina li kellhom wara d-dar. Kull xahar kienet tkun l-ewwel waħda li dejjem tipparteċipa fl-attivitajiet li konna norganizzaw u magħha tkaxkar xi tnejn, tlett iħbieb oħra magħha.

 

Iż-żmien jgħaddi…

 

L-affarijiet jinbidlu

 

Iż-żmien jgħaddi bħal ħolma u Ġanni marad u kien ta’ sikwiet jidħol l-isptar. Għamel snin dieħel u ħiereġ. Il-mard tal-qalb kien ikiddu wisq. Pawla kienet iddur bih u kont ngħidilha li ma tistax tagħmel iktar miegħu milli kienet qiegħda tagħmel. Kulma setgħet tagħmel għamlitu. Kif jieħu nifs żejjed iġġiblu t-tabib. Saħansitra, tant kemm kważi kienet issejjaħ lit-tabib għal kollox li, darba minnhom, it-tabib stess kien qalilha biex tagħmillu sodda għandhom.

 

Darba minnhom Ġanni ma qamx u Pawla ħadet xokk kbir. Il-ħajja tkompli u Pawla hekk ippruvat tagħmel. Il-knisja u l-Modonna kienu r-refuġju tagħha. Fidi kbira fil-Madonna kienet tiddedika dak kollu li kienet tagħmel. Iż-żmien baqa’ għaddej u Pawla reġgħet bdiet toħroġ u tattendi l-attivitajiet li norganizzaw. Kont naraha l-Mosta miexja min-naħa għal oħra u kont nammiraha kemm kienet iżżomm attiva.

 

Il-kundizzjoni tad-dimesja

 

… Pajjiżna kien imfaħħar għall-istrateġija

 

Reġgħet waslet l-elezzjoni u bħal kull elezzjoni kulħadd jibda’ jżur ir-residenti biex inkomplu nitkellmu magħhom. Kien imissni ż-żona ta’ Ġanni u Pawla u bħas-soltu mort ferħan ħalli nitkellem ftit ma’ Pawla. Ħabbat u qaltli ok għaddi. Għidtilha, kif ahna Pawl? Tajba tajba ta’ qaltli. Għidtilha x’qiegħda ssajjar sabiħ u kelma ġġib lill-oħra u għamilna xi nofs siegha nitkellmu fuq kollox u fuq kull suġġett. Nista’ ngġid li dan kien wieġed mill-ikbar xokkijiet ta’ ħajti għax wara nofs siegħa nitkellmu Pawla, bl-innoċenza kollha, b’ħarsa qisha ċċassata u tħares fil-vojt staqsitni… Imma inti min int?

 

Ma flatħx inkellimha għax kollox kont qiegħed nistenna imma din l-mistoqsija ma stennejta qatt. Qisu qatt ma stennejt li persuna li kelli relazzjoni kważi tista’ ssejħilha intima sejra tistaqsini din il-mistoqsija. Kont ghamilt kampanja b’saħħitha u strateġija nazzjonali biex inġibu lill-poplu tagħna aktar konxju tal-kundizzjoni tad-dimensja meta kont għadni Segretarju Parlamentari għall-anzjanità attiva u persuni b’diżabiltà.

 

Tant kienet serja din l-kampanja li l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) kienet faħħritna u f’konferenza internazzjonali dwar id-dimensja mtella’ f’Malta,  kienet ħeġġet lill-pajjiżi oħrajn litteralment jikkupjaw l-istrateġija ta’ Malta. Konna gġamilna mhux biss konferenza nazzjonali dwar dan is-suġġett imma saħansitra kampanja sħiħa biex inqajmu aktar għarfien u kuxjenza.

 

Taħriġ u premju għall-care givers

 

Investejna b’saħħa kbira fis-servizzi biex persuni li jkollom jifaċċjaw din l-kundizzjoni jkunu jistgħu jgħaddu dan iż-żmien b’dinjità u għamilna taħriġ intensiv f’diversi livelli lill-care givers. Għal dawk li kellhom problema li jkunu preżenti għal-lezzjonijiet anke setgħu ħadu l-lezzjonijiet on line. Illum din, wara l-Covid-19, mhux xi ħaġa kbira imma meta għamilnieha aħna kienet għax ftit kienu jagħmlu t-taħriġ on line u aħna, għax ridna li ma jkun hemm l-ebda ostaklu għal dawk li jridu jieħdu dan it-taħriġ, konna użajna kull mezz possibbli biex ninkludu l-akbar numru ta’ nies possibbli.

 

Għamilna wkoll Premju Nazzjonali għall-caregivers li jispikkaw u li huma ta’ eżempju fl-imġieba u x-xogħol tagħhom. Ridna li nkomplu nagħmlu l-kuraġġ lil dawk li huma ta’ eżempju ħalli aktar persuni jiġu influwenzati minnhom.

 

Imbassar li f’Malta se jkollna 14,000 affetwati

 

Skond studji u dak li kienu qegħdin jgħidulna l-istess tbassir, f’Malta u Għawdex se jkollna popolazzjoni ta’ 14,000 li sejrin ikunu qegħdin jiġu affetwati minn din l-kundizzjoni. Kellna l-pjanijiet kollha biex jibda ix-xogħol għal ċentru tal-eċċellenza fid-dimensja u tisħiħ b’saħħtu f’servizzi fil-komunità biex inkunu  qrib il-qraba. Għamilna dimencia intervention team li b’telefonata jkun qiegħed mal-qraba jassisti kull fejn ikun hemm bżonn u help line stand by għal dak li jista’ jinqala’.

 

Għal din l-kundizzjoni ma hemm l-ebda regola fissa. Taffetwa lil kulħadd – nies bravi u nies li studjaw inqas; żgħar fl-età u kbar; nisa u rġiel. Sejra taffetwa mal-14,000 persuna. Iktar minn elf kull distrett elettorali. Mhux ċajta. Il-perjodu li deħlin fih huwa imlaqqam ‘Iż-żmien tax-Xjuħija’ (the age of the aging) għax qatt fl-Istorja tad-dinja ma kien hawn anzjani  jgħixu b’persentaġġ daqshekk kbir fil-popolazzjonijiet tad-dinja żviluppata u għalhekk Malta u Għawdex, bħad-dinja żviluppata kollha, meta qegħdin naraw x’ġej fil-futur qarib irridu nkomplu nippreparaw lill-pajjiż b’servizzi adegwati ħalli kull min ikollu bżonn ikun jista’ jagħmel użu minnhom.

 

Mhux faċli taċċetta

 

Mhux facli titkellem ma’ persuna li tkun ilha f’relazzjoni 50-60 sena u tgħidlek imma, kif mhux qiegħda tagħrafni? Kif Ġanni tiegħi mhux jagħrafni f’daqqa waħda? Persuni li tkun ħabbejt u għext magħhom tul ta’ snin mhux faċli li taċċetta li huma wkoll sejrin jkollom bżonn l-għajnuna għax jibdew jgħaddu minn din l-kundizzjoni.

 

Irrid nagħlaq billi nirringrazzja lil dawk il-professjonijet, care givers, qraba u ħbieb li jiddedikaw ħafna mill-ħin tagħhom biex jieħdu ħsieb lil dawn l-anzjani u mhux, li jkollhom din l-kundizzjoni. M’għandix kliem biex nirringrazzjakom.

 

Sliem.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *