Search
Close this search box.

Malta tadotta dikjarazzjoni ma’ 14-il pajjiż Ewropej ieħor li huma parti mill-UNIFIL

Neville Gafa

~ 2 months ago

Malta tadotta dikjarazzjoni ma’ 14-il pajjiż Ewropej ieħor li huma parti mill-UNIFIL

Fis-16 ta’ Ottubru, Malta pparteċipat f’laqgħa bejn il-Ministri tad-Difiża tal-pajjiżi Ewropej li huma parti minn missjoni ta’ żamma ta’ paċi tan-Nazzjonijiet Uniti, magħrufa bħala UNIFIL, biex tiġi diskussa s-sitwazzjoni fin-Nofsinhar tal-Libanu. Laqgħa li matulha Malta sostniet li s-sigurtà tal-UNIFIL għandha tibqa’ prijorità.

 

Fi tmiem din il-laqgħa, Malta flimkien mal-Awstrija, il-Kroazja, Ċipru, Franza, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, l-Olanda, il-Polonja u Spanja adottat dikjarazzjoni li ġiet ppubblikata l-Erbgħa, u li qiegħda tiġi inkluża flimkien ma’ din l-istqarrija.

 

Din il-laqgħa ssegwi stqarrijiet li għamlu l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti kif ukoll il-Kunsill Ewropew dwar is-sitwazzjoni attwali fil-Libanu, fosthom billi juru appoġġ għall-ħarsien tal-membri tal-UNIFIL u għall-waqfien mill-ġlied.

 

Malta, bħala membru mhux permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti qed tkompli taħdem mill-qrib mal-imsieħba tal-Unjoni Ewropea u l-komunità internazzjonali sabiex nassiguraw is-sigurtà tas-suldati tagħna filwaqt li  jiġi salvagwardjat il-mandat tal-UNIFIL.

 

               UNIFIL

 

Permezz tal-Forzi Armati ta’ Malta, pajjiżna ilu jikkontribwixxi għall-Forza Interim tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Libanu (UNIFIL) b’tim ta’ suldati min-Novembru 2018, u bħalissa Malta għandha uffiċjal u sitt suldati Maltin fil-Libanu.  Din il-Forza, għandha rwol importanti b’mandat min-Nazzjonijiet Uniti għaż-żamma tal-paċi fir-reġjun.  Is-suldati kollha jipparteċipaw fuq bażi volontarja u wara proċess ta’ għażla, jingħataw taħriġ rigoruż kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta.

 

Il-kontinġent tal-Forzi Armati ta’ Malta huwa bbażat mal-Battaljun Irlandiż.

 

Ta’ kuljum Malta qiegħda f’kuntatt mas-suldati Maltin, sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tagħhom u jingħataw l-appoġġ kollu meħtieġ.

 

pr241735a

 

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *