Search
Close this search box.

Oliver de Gaetano – L-ideoloġija tal-lemin estrem fl-Unjoni Ewropea – veru li qed terġa’ terfa’ rasha?  

Neville Gafa

~ 1 month ago

Oliver de Gaetano – L-ideoloġija tal-lemin estrem fl-Unjoni Ewropea – veru li qed terġa’ terfa’ rasha?  

Minkejja l-fatt li bosta osservaturi u studjużi politiċi kienu bassru li fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew illi saru f’Ġunju li għadda, il-partiti li jħaddnu l-ideoloġija tal-lemin estrem kienu se jieħdu spinta ’l quddiem, fil-verità spiċċawħadu daqqa ta’ ħarta.

 

Hemm min ma ħax gost b’dan ir-riżultat, filwaqt li oħrajn qiesu dan l-eżitu bħala element ta’ solliev. Ngħiduha kif inhi, ma tantx tkun ħaġa pożittiva li l-Parlament Ewropew ikun inondat b’partiti li jadvokaw il-prinċipji tal-lemin estrem.

 

Biżżejjed ngħidilkom illi jekk nagħtu ħarsa lejn l-istorja politika tad-dinja tul dawn l-aħħar mitt sena, il-maġġor parti tar-reati kontra l-umanità, inklużi ġenoċidji, twettqu taħt it-tmexxija ta’ partiti li kellhom l-għeruq tagħhom proprju fl-ideoloġija tal-lemin estrem.

 

Għalkemm bosta qiesu bħala pożittiv il-fatt li mas seħħitx it-tbassira li fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ta’ Ġunju li għadda, il-partiti tal-lemin estrem ma marrux tajjeb daqskemm inizjalment kien antiċipat, xorta mhux kollox ward u żahar.

 

Dan għaliex il-fatt li l-forzi tal-lemin estrem mhux se jkunu qegħdin jiddominaw il-Parlament Ewropew matul din il-leġislatura li għadha kif bdiet, bl-ebda mod ma jfisser illi dawn mhux qed jerġgħu jieħdu s-soppravent f’ċerti stati membri tal-Unjoni Ewropea, partikolarment dawk kontinentali.

 

 

Ix-xenarju politiku reċenti ġewwa Franza

 

Meta lura fis-sena 2016, Emmanuel Macron kien oriġinarjament iddeċieda li jibda jimmilita fil-kamp politiku Franċiż, huwa nieda partit politiku ċentrista-liberali ġdid imsejjaħ ‘En Marche’. Madankollu, maż-żmien daħlitlu fl-għalqa Marine Le Pen permezz tal-partit immexxi minnha bl-isem ta’ ‘Renaissance’, u din tidher li telqet tiġri ġmielha fit-triq lejn il-kisba tal-poter hekk kif fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ta’ Ġunju li għadda, “Renaissance” kiseb 31.5% tal-voti. Għaldaqstant, il-partit immexxi minn Le Pen kiseb iżjed voti mid-doppju ta’ dawk miksuba mill-partit immexxi minn Macron, peress li dan tal-aħħar irnexxielu jġib biss 14.6%. Marine Le Pen hija bint l-eks mexxej tal-‘Fédération Nationale’, Jean-Marie Le Pen.

 

Tul is-snin dejjem iddistingwa ruħu bħala politiku li ħaddan l-ideoloġija tal-lemin estrem. Veru li bintu, Marine, iddistanzjat ruħha minnu u dan addirittura ġie mkeċċi mill-partit li dejjem immilita fih, wara li kien għadda kummenti xenofobiċi fejn iddeskriva l-kampijiet tal-gass tan-Nazisti bħala “Dettall tal-istorja”. Madankollu, ħafna huma xettiċi dwar kemm Marine Le Pen tista’ titqies bħala maqtugħa kompletament mill-ideoloġija tal-lemin estrem, peress li kien proprju missierha li rawwem fiha l-imħabba lejn il-politika u li kien ilu jeħodha miegħu għal-laqgħat illi kien ikollu sa minn meta kien għad għandha biss tlettax-il sena.

 

 

Ix-xenarju politiku reċenti ġewwa l-Ġermanja

 

 

Meta nagħtu ħarsa lejn ir-riżultati taż-żewġ elezzjonijiet reġjonali li saru fil-Lvant tal-Ġermanja nhar l-1 ta’ Settembruli għadda, nintebħu li għall-ewwel darba mit-Tieni Gwerra Dinjija ’l hawn, il-lemin estrem ħareġ minn fuq f’elezzjoni reġjonali. Dan seħħ fir-reġjun tat-Thuringia, fejn il-partit ‘Alternattiva għall-Ġermanja’ kiseb kważi 33% tal-voti.

 

Fir-reġjun ġar tiegħu, ċoé fis-Sassonja, dan il-partit ukoll kellu prestazzjoni tajba ferm, hekk kif qabeż it-30% tal-voti u kien b’ċikka li ma rnexxilux jiġi fl-ewwel post. Kienu bosta dawk illi esprimew is-sentiment li tali riżultat ma kienx ta’ sorpriża għalihom, peress illi jekk wieħed jagħti ħarsa ġenerali lejn l-istorja politika tal-Ġermanja, kien proprju fir-reġjun tat-Thuringia lura fis-sena 1929, illi l-partit Nazista kien irnexxielu jikseb success elettorali b’saħħtu biżżejjed biex seta’ jwitti t-triq sabiex isib ruħu fil-Parlament Ġermaniż.

 

Però, mhux kollox huwa dlam, peress li bosta fatturi jindikawilli l-partit ‘Alternattiva għall-Ġermanja’ qajla għandu ċans li jifforma parti minn gvernijiet futuri tat-Thuringia u tas-Sassonja, hekk kif il-partiti l-oħra għamluha ċara li mhumiex propensi li jiffurmaw koalizzjoni ma’ dan il-partit b’ideoloġijatal-lemin estrem.

 

 

Ix-xenarju politiku ġewwa pajjiżna

 

Lokalment konna bdejna naraw politiċi li jħaddnu prinċipji li jxaqilbu bil-qawwa lejn il-lemin estrem. Kien hemm żmien fejn dawn l-esponenti tal-lemin estrem bdew jissaħħu bil-kbir lokalment, u nemmen illi dan il-fenomenu avvera ruħu għal żewġ raġunijiet ewlenin. Kien hemm min beda jdejqu l-influss tal-barranin f’pajjiżna u mbagħad kien hemm ukoll perċentwal tal-elettorat li beda jħossu politikament orfni, jew inkella ried iwassal messaġġ lill-partit l-kbar u għaldaqstant għażel li jivvota lil dawn il-partiti. Ħafna bdew iqisu din il-ħaġa bħala inkwetanti, għalkemm dan l-aħħar rajna bħal bidla fix-xejriet.

 

Dan wara li fl-elezzjonijiet ta’ nhar it-tmienja ta’ Ġunju li għadda, dawn il-partiti battew ferm mil-lat ta’ voti. Jista’ jkun li dan seħħ minħabba l-komunikattiva min-naħa ta’ ċerti esponenti ta’ tali partiti. Għalkemm fil-ħajja persunadejjem għandha toqgħod attenta x’tgħid, il-mod kif tesprimi ruħha jagħmel id-differenza kollha. Kultant, anke jekkpersuna jaf ikollha argument validu, il-fatt illi tixref fuq l-estrem itellifha l-qaleb u l-ġbejna.

 

M’huwa qatt aċċettabbli li persuna tuża l-libertà tal-espressjoni bħala tarka mingħajr ma tqis illi tkun qiegħda tweġġa’ lil ċerti minoranzi li jiffurmaw parti mis-soċjetà tagħna. Meta wieħed iqis illi hemm anke partiti li għandhom l-ideoloġija tagħhom ibbażata bis-sħiħ fuq it-tagħlim ta’ personaġġi bħal Francis Parker Yockey, dan ma jiskantax b’ċertu raġunament radikali… ideoloġija li hi dijametrikament opposta għas-sens ta’ solidarjetà sinonimumagħna l-Maltin.

 

Min kien Francis Parker Yockey?

 

 

Francis Parker Yockey kien Avukat Amerikan li mmilita l-iżjed fil-kamp politiku fl-ewwel nofs tas-seklu għoxrin. Dejjem ippropaga l-ideoloġija faxxista kif ukoll dik pan-Ewropea. F’dawk iż-żminijiet, il-kunċett tal-pan-Ewropewiżmu kien primarjament jikkomprendi fih għaqda politika ta’ pajjiżi mill-Ewropa, minbarra r-Renju Unit u l-Unjoni tar-Repubbliki Soċjalisti Sovjetiċi.

 

Illum il-ġurnata dan il-kunċett jitqies bħala wieħed illi jiġbor fih il-pajjiżiEwropej kollha li jappoġġjaw il-proġett ta’ għaqda politika jew ekonomika fost il-pajjiżi Ewropej. Yockey jibqa’ mfakkargħall-ktieb tiegħu ppubblikat lura fis-sena 1948, li jġib l-isem: “Imperium: Il-Filosofija tal-Istorja u l-Politika”. Dan il-ktieb ma kienx ippubblikat f’ismu, iżda kien uża n-nom de plume, Ulick Varange.

 

Probabbilment, għamel hekk minħabba l-fattilli fih ġew ittrattati diversi temi li għadhom jitqiesu bħala kontroversjali sal-ġurnata tal-lum, aħseb u ara kważi tmenin sena ilu. Fost affarijiet oħra spikkat is-sejħa għal imperu Ewropew Neo-Nazista.

 

 

In medio stat virtus

 

Nemmen fil-libertà tal-ħsieb u l-espressjoni daqskemm nemmen fl-importanza illi ngħixu f’soċjetà ħanina fejn ix-xemx titla’ għal kulħadd. Kwalunkwe ideoloġija li ġġebdet sal-punt estrem spiċċat irrukkat. Araw daqsxejn il-Komuniżmu – il-ħsieb wara l-ħolqien tiegħu kien li min ma kellux, jiekol ma min kellu… biss, ittieħed fl-estrem u falla.

 

F’dak illi jirrigwarda l-ideoloġija tal-lemin estrem, din ġabet biżżejjed sofferenza magħha; meta jkollkom ċans segwu dokumentarju fuq it-Tieni Gwerra Dinjija u tifhmu perfettament x’irrid infisser. Għalhekk huwa imperattiv li nagħrfu niffurmaw ħsieb ibbilanċjat!

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *