Search
Close this search box.

Pajjiż ta’ Kwalità: Sa tmiem din is-sena, 40,000 metru kwadru ta’ spazji miftuħa ġodda

Neville Gafa

~ 1 month ago

Pajjiż ta’ Kwalità: Sa tmiem din is-sena, 40,000 metru kwadru ta’ spazji miftuħa ġodda

Sa tmiem din is-sena, se nkunu qed nagħtu lill-pubbliku 40,000 ta’ metru kwadru ta’ spazji miftuħa ġodda, fejn il-familji jkunu jistgħu jqattgħu ħin fil-kwiet u jgawdu l-ambjent.​​

 

Barra minn hekk, matul is-sena d-dieħla, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi ser ikun qed jagħmel 15-il proġett ta’ spazji miftuħa, b’investiment dirett ta’ €22 miljun. Investiment li jkompli jingħaqad ma’ dak ta’ entitajiet oħra, konferma tas-sinerġija u l-impenn tal-Gvern li jkompli jwassal aktar kwalità u spazji miftuħa fl-urban u lil hinn.

 

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli u s-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia, waqt konferenza tal-aħbarijiet fi ġnien Hospice. Dan il-ġnien, li se jkun qed jinfetaħ fil-ġimgħat li ġejjin, se jkun qed joffri spazju biex pazjenti li qed jirċievu kura paljattiva jkunu jistgħu jiltaqgħu mal-familjari tagħhom f’ambjent sabiħ.

 

Miriam Dalli 

 

Il-Ministru Miriam Dalli ħabbret illi sal-aħħar tas-sena se jkunu qed jinfetħu wkoll il-ġonna ta’ Villa Portelli fil-Kalkara, spazju ġdid f’Wied Inċita, Ġnien Spencer fil-Marsa u Ġnien l-Indipendenza f’Birżebbuġa. Dan filwaqt li għaddej ix-xogħol fuq għadd ta’ proġetti ambjentali, fosthom 118-il proġett minn Project Green b’investiment ta’ €350 miljun, li qed isiru sabiex jitjieb l-istandard tal-ħajja u l-kwalità tal-ambjent pubbliku.

 

“Qatt daqs illum ma kellna gvern li investa f’tali proġetti. Ftit jiem ilu tajna d-dettalji dwar kif bħalissa Project Green waħedha għaddejja bil-ħidma fuq 118-il proġett b’investiment ta’ €350 miljun, inkluż il-ħolqien ta’ spazji ġodda sostenibbli f’postijiet fl-iskemi tal-iżvilupp bħal Ħal Luqa, Ħal Kirkop, Ħal Lija, u San Ġiljan,” qalet il-Ministru Dalli.

 

Fost il-proġetti ambizzjużi hemm ukoll l-iżvilupp ta’ spazju miftuħ fejn qabel kien hemm l-impjant ta’ riċiklaġġ ta’ San Antnin f’Marsaskala, fejn il-Ministru enfasizzat: “Qed ngħaddu minn miżbliet għal ġonna pubbliċi biex noħolqu pajjiż ta’ kwalità, fejn il-familji Maltin ikollhom spazji ta’ paċi u rikreazzjoni. Dan huwa investiment fis-saħħa u l-futur ta’ uliedna.”

 

“Is-sena dieħla niftħu 19-il proġett ieħor u ntellqu ħafna oħrajn. Bħalma tellaqna fl-aħħar jiem, fejn f’Pembroke beda x-xogħol biex medda ta’ art tal-konkos ukoll nibdluha fi ġnien. Dawn huma proġetti li nagħmluhom biex igawduhom il-familji. Hekk qed naħdmu lejn pajjiż ta’ kwalità,” temmet tgħid il-Ministru Dalli.

 

Omar Farrugia

 

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia stqarr, “Nemmen bis-sħiħ fl-importanza li jkollna spazji urbani miftuħa li jservu bħala postijiet ta’ valur soċjali għall-komunitajiet tagħna. Spazji bħal dawn mhumiex biss biċċa xogħol ta’ disinn jew arkitettura — huma spazji fejn il-familji jistgħu jqattgħu ħin flimkien, it-tfal jilgħabu b’mod sigur, u l-anzjani jsibu mistrieħ f’ambjent rilassanti u seren.” Huwa spjega li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi se jkun qed jiffoka aktar fuq kif dawn l-ispazji jistgħu jservu bħala ċentri ta’ attività u ħajja għall-komunitajiet lokali.

 

“L-għan hu li dawn isiru postijiet li jinġabru fihom in-nies, fejn jinħolqu relazzjonijiet soċjali u tissaħħaħ il-koeżjoni fost ir-residenti. Bħala gvern kommessi li nkomplu ninvestu f’pajjiż fejn l-ispazji miftuħa jservu għal ħafna iktar minn sempliċi tisbiħ. Irridu li dawn ikunu tabilħaqq postijiet ta’ valur soċjali għall-benefiċċju ta’ kulħadd.”

 

Is-Segretarju Parlamentari żied jgħid li l-Università ta’ Malta ser tkun imsieħba importanti mad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi f’din il-metodoloġija. “Se naħdmu fuq ideat innovattivi dwar kif dawn l-ispazji miftuħa jistgħu verament ikunu aċċessibbli u jservu l-bżonnijiet ta’ kulħadd.

 

Din il-kollaborazzjoni se tgħinna noħolqu ambjenti li mhux biss iżejnu l-komunitajiet tagħna, iżda wkoll jikkontribwixxu għal kwalità ta’ ħajja aħjar għall-familji kollha.”

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *