Search
Close this search box.

Oliver de Gaetano – Elezzjonijiet Presidenzjali fl-Istati Uniti tal-Amerika –ritorn ġewwa l-‘White House’ għal Trump  

Neville Gafa

~ 3 weeks ago

Oliver de Gaetano – Elezzjonijiet Presidenzjali fl-Istati Uniti tal-Amerika –ritorn ġewwa l-‘White House’ għal Trump  

Meta kont żgħir kont nismagħhom jgħidu: “Meta l-Amerika tagħtas, id-dinja kollha tieħu riħ!” Tafu xi jfisser dan? Ifisser illi l-kariga ta’ President tal-Istati Uniti tal-Amerika ma ġġibx biss magħha sens ta’ prestiġju, iżda wkoll element qawwi ta’ responsabbiltà. Dan bir-raġun kollu għax l-Amerika tmexxi lid-dinja.

 

 

Nhar il-5 ta’ Novembru li għadda saru l-elezzjonijiet biex jiġi elett il-President il-ġdid tal-Istati Uniti, fejn din id-darba t-tellieqa kienet bejn Donald Trump fuq il-biljett tal-Partit Repubblikan u Kamala Harris fuq il-biljett tal-Partit Demokartiku. It-tnejn li huma kellhom inċentiv għalxiex itellqu b’ħeġġa liema bħalha – Harris xtaqet li tidħol fl-istorja bħala l-ewwel President mara tal-Istati Uniti, filwaqt illi Trump ried akkost ta’ kollox ritorn glorjuż lejn il-White House.

 

L-ideoloġija wara ż-żewġ partiti

 

Tradizzjonalment, f’dak li jittratta l-aspett soċjali, id-Demokratiċi dejjem kienu iżjed assoċjati mat-tfittxija ta’libertajiet akbar, filwaqt illi tul is-snin, ir-Repubblikani kienuaktar meqjusa bħala konservattivi, peress li dawn tal-aħħar jemmnu li l-gvern għandu addirittura jintervjeni fi kwistjonijiet tradizzjonali.

 

Il-Partit Demokratiku tipikament jappoġġja r-rwol iżjed wiesa’ tal-gvern f’materji ekonomiċi, kif ukoll fl-introduzzjoni ta’ regolamenti u programmi intiżi biex itejbu l-benesseri soċjali. It-twemmin tar-Repubblikanihuwa dijametrikament oppost, peress li dawn tal-aħħar jemmnu li l-involviment tal-gvern fl-aspett ekonomiku għandu jinżamm għall-minimu possibbli.

 

Din il-fehma, kultant kontroversjali, hija riflessa fil-pożizzjonijiet tagħhom dwar it-taxxi. Id-Demokratiċi jiffavorixxu taxxa progressiva biex jiffinanzjaw ir-rwol estiż tal-gvern, filwaqt li r-Repubblikani jappoġġjaw taxxi aktar baxxi għal kulħadd. Ir-Repubblikani dejjem kienu favur l-allokazzjoni ta’ baġit konsiderevoli għall-militar u spiss tarahom isegwu mill-qrib l-interessi tas-sigurtà nazzjonali tal-Istati Uniti… anke jekk dan ifisser li jaġixxu unilateralment.

 

Għall-kuntrarju, id-Demokratiċi jippreferu l-multilateraliżmu. Mil-lat ġeografiku, id-Demokratiċi tipikament jiddominaw fi bliet kbar, filwaqt li l-popolarità tar-Repubblikani dejjem kienet ikbar f’żoni rurali.

 

 

 

Trump – personaġġ partikolari

 

F’dak li jirrigwarda lil Donald Trump m’hemmx triq tan-nofs– jew tħobbu jew ma tħobbu assolutament xejn! Għandu t-tendenza li jitkellem mingħajr ma jqis x’jistgħu jkunu l-konsegwenzi, bħal meta kien imur iserraħ l-istonku permezz ta’ posts kontroversjali fuq il-profil tiegħu ta’ Twitter. Bena wkoll reputazzjoni għal ċerti kummenti li spiss ġew interpretati bħala razzisti, bħal ma ġieli għamel fir-rigward tal-Messikani. Reċentement, waqt il-kampanja elettorali wasal biex fil-konfront ta’ Harris, staqsa: “Hija sewda jew Indjana?”.

 

Dan l-aħħar smajna bosta diċeriji dwar il-ħbiberija li nibtet bejn il-viżjonarju, negozjant u investitur Amerikan, Elon Musk, u Donald Trump. Fil-verità nemmen illi f’dan ir-rigward, il-kelma ‘ħbiberija’ hija sottovalutazzjoni għax kollox jindika li Trump jinsab taħt il-gwardja ta’ Musk.

 

Biżżejjed ngħidilkom illi bejn Lulju u Settembru ta’ din is-sena, Musk ta donazzjoni ta’ 75 miljun dollaru Amerikan lill-grupp imwaqqaf biex jikkampanja favur il-kandidatura ta’ Donald Trump, u fl-ewwel nofs ta’ Ottubru li għadda, reġa’ ħareġ madwar 44 miljun dollaru Amerikan b’riżq il-kampanja elettorali ta’ Trump. Bil-Malti ngħidu: “Ħadd ma jagħmel xejn ta’ xejn!” Spiss jiġri li negozjanti kbar jiddawru minn nies fil-poter sabiex meta jkunu jeħtieġu xi ħaġa għan-negozju tagħhom, imorru b’wiċċhom minn quddiem.

 

Jista’ jkun li Musk qed juża lil Trump bħala paraventu bil-għan li jkun jista’ jieħu vantaġġ ħalli jimplimenta l-viżjoni tiegħu? It-tweġiba għal din il-mistoqsija nħalliha f’idejkom.

 

Harris – il-ħaruf tas-sagrifiċċju?

 

Bosta qiesu lil Kamala Harris bħala kandidata li tippossjedi l-kredenzjali meħtieġa sabiex tkun President tal-Istati Uniti. Oħrajn qiesu lil Harris bħala fotokopja ta’ Joe Biden, anke jekk mhux dejjem irnexxielha taqta’ figura tajba. Xhieda ta’ dan huwa l-fatt illi meta ġiet affaċċjata bi kwistjonijiet jaħarqu bħal dik tal-fruntiera mal-Messiku u l-kunflitt imdemmi fil-Lvant Nofsani, ma ddejqet xejn tpoġġi l-prinċipji fil-ġenb u ddur lejn tattiċi populisti.

 

Nemmen li kieku d-Demokratiċi għamlu kuntest miftuħ – ċoè eżerċizzju fejn minflok ma jkun hemm nominat predeterminat, jiġi elett kandidat bi proċess demokratiku, Pete Buttigieg kien ikun għażla faċli. Mhux talli hekk, talli fit-tellieqa presidenzjali ma’ Trump, kien jaħartu. Sfortunatament, fil-ħajja ħadd ma jaħsillek wiċċek biex tkun aħjar minnu u l-fenomenu tal-politika interna jaf ikun kattiv immens.

 

L-esperjenza politika tiegħi għallmitni li kultant l-ikbar għadu jkun ġej mill-partit li timmilita fih. Jista’ jkun li Biden għażel lil Harris biex ittellaq it-tellieqa presidenzjaliminfloku għaliex ma riedx illi d-Demokratiċi jkollhom żiemel li jiġri iżjed minnu?

 

 

Trump – lura lejn il-White House

 

Bosta qiesu lil Donald Trump bħala figura perikoluża u diviżiva li hija ta’ theddida għad-demokrazija Amerikana udik globali. Madankollu, il-verdett finali huwa f’idejn il-votant meta dan imur jeżerċita d-dritt tiegħu.

 

Għalkemm bosta persuni madwar id-dinja ma xtaqux li Donald Trump ikun il-President il-ġdid tal-Istati Uniti tal-Amerika, l-elettorat Amerikan ħasibha mod ieħor. Wieħed jista’ jaqbel jew ma jaqbilx, però hemm ħaġa li hija fiż-żgur – is-sens ta’ grinta tiegħu anke jekk għandu tmienja u sebgħin sena. F’dik l-età, bosta persuni jkunu qegħdin jgħixu ħajjithom b’pass iżjed trankwill u jgawdu lin-neputijiet… minflok, Trump ikkontesta l-elezzjonijiet presidenzjali tal-Istati Uniti tal-Amerika! Barra minn hekk, il-karriera ta’ Trump offrietlu sfidi kontinwi peress illi għal snin twal mexxa t-‘Trump Organization’.

 

L-entitajiet li jiffurmaw parti minn dan l-imperu kummerċjali jiżviluppawu jinvestu fi proprjetajiet inklużi torrijiet residenzjali, u joperaw lukandi kif ukoll korsijiet tal-golf f’diversi pajjiżi, fost oħrajn. Nitlob ’l Alla li jekk jogħġbu jislifni l-għomor illi għandu Trump, meta nasal hemm ikun għad għandi l-istess tenaċità tiegħu.

 

 

 

It-triq ’il quddiem

 

Ma nkunx qed ngħid kelma b’oħra jekk nistqarr magħkom illi d-dinja mhijiex għaddejja mill-isbaħ żminijiet. Fid-dawl ta’ bosta kunflitti madwar id-dinja, fosthom fil-Lvant Nofsani kif ukoll bejn ir-Russja u l-Ukrajna, l-umanità teħtieġ iżjed minn qatt qabel illi ġewwa l-White Houseikun hemm President li għandu l-virtù tar-razzjonalità.

 

Biex inkun onest, l-Amerikani ma tantx kellhom xi għażla partikolarment ġeneruża. Trump dejjem spikka għall-karattru sbukkat tiegħu, filwaqt li kif irriżulta, Harris mhux neċessarjament kienet toffri alternattiva plawsibbli għat-tmexxija tal-Amerika.

 

Dan wassal biex diversi votanti bdew iħossuhom politikament orfni, bil-konsegwenza li t-tellieqa għall-White House kienet waħda ras imb’ras sal-punt li ħafna kummentaturi esprimew il-preokkupazzjoni tagħhom illi dan il-fatt jirrifletti l-qasma kbira li hemm ġewwa l-Istati Uniti tal-Amerika.

 

 

Fuq livell mondjali, il-futur jawgura tajjeb hekk kif bosta mexxejja minn madwar il-globu wrew il-propensità tagħhom li jikkollaborawma’ Trump. Anke l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Malti, l-Onor. Ian Borg, wera l-ħerqa li jaħdem mal-amministrazzjoni l-ġdida. Jien ningħaqad magħhom billi wkoll nixtieqlu kull suċċess u ħidma fejjieda hekk kif għat-tieni darba ġie elett bħala President tal-Istati Uniti.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *