Matul il-ġimgħa li għaddiet ippubblikajt tliet artikli dwar Dr. Martin Balzan, dak li kien President tal-MAM fl-iktar snin anti-demokratiċi fl-istorja tagħha.
Ħadt l-inizzjattiva li nistaqsih xi mistoqsijiet, qabel ma nkompli nizvela. Għamilt dan bi ħsieb u għan wieħed, dak li nkun ġust u prudenti miegħu billi noffrilu kull possibilta’ li jew jikkonferma l-informazzjoni li tajt, jew jiċħadha, jew jikkjarifikaha. Però Dr Balzan għażel li jibqa’ sieket.
Ejjew naraw flimkien, għal-lum, ftit mill-mistoqsijiet li għamilhilu, u nippruvaw ninterptretaw is-skiet ta’ Dr Balzan.
Fl-ewwel artiklu allegajt li seta’ kien hemm ksur tal-Istatut tal-MAM minn Dr. Martin Balzan meta, għal sentejn konsekuttivi, naqas li jsejjaħ Laqgħa Ġenerali għall-membri. Dan meta l-Istatut jiddomanda li din il-laqgħa tissejjaħ u tiltaqa’ kull sena.
L-istatut huwa ċar. Imma Balzan ġie jaqa’ u jqum. Mhux sena waħda. Imma tnejn. Darba jista’ xi ħadd jgħid li sar żball. Imma darbtejn le. Lanqas fil-pandemija ma ġara hekk.
La darba Dr. Martin Balzan la ċaħad u lanqas ikkjarifika, nieħduha li dak li allegajna huwa kollhu minnu. Hija verita’ sagrosanta li Dr. Martin Balzan mar kontra dak li jimponi fuqu l-Istatut. La darba huwa ħati ta’ ksur tal-Istatut, mela żgur ma jixraqlux ikun President Onorarju.
Fl-ewwel artiklu allegajt ukoll li Dr. Martin Balzan organizza block vote biex fit-tmexxija tal-MAM jitilgħu biss nies mlil-klikka tiegħu. Madankollu, il-maġġoranza tal-membri beżqulu mis-sunnara.
Ma ċaħadx lanqas. Ovvja, li ma jiċħadx. Mela nieħduha ta’ dik li verament hi….verita’ mill-bidu sal-aħħar.
Fl-istess artiklu akkużajnih ukoll li uża l-pożizzjoni tiegħu fil-MAM għal gwadann personali.
Lanqas din ma ċaħad. Mela konna qed ngħidu s-sewwa. U tant konna qed ngħidu s-sewwa li llum se nippubblika dokument li juri dan.
Fit-tieni artiklu staqsejtu, lil Dr. Martin Balzan, biex jagħtina d-data ta’ meta nħatar, kif inħatar u għal kemm tul ta’ żmien inħatar Deputy Chairperson fid-Dipartiment tal-Medicina, fl-Isptar Mater Dei.
Ma weġibx. Imma mhux għax għandu x’ jaħbi fil-mod ta’ kif saret il-ħatra imma għax il-ħatra kellha terminu u ma jridx jikkonferma li l-ħatra kellha terminu.
Ha ngħidilhom jien, mela.
Dr. Martin Balzan inħatar Deputy Chairperson tad-Dipartiment tal-mediċina nhar is-27 ta’ Ottubru 2014, b’kuntratt definit ta’ 3 snin, wara li kien hemm sejħa.
Fil-fatt, qiegħed hawn nippubblika l-ittra tal-ħatra bħala evidenza.
X’ifisser dan? Ifisser li l-kuntratt definit ta’ Martin Balzan kellu jiġi fi tmiemu fis-26 ta’ Ottubru 2017. U allura, fis-26 ta’ Ottubru 2017 kull rabta kuntrattwali li kien hemm bejn id-Dipartiment tal-mediċina u l-persuna li kienet tokkupa l-pożizzjoni ta’ Deputy Chairperson, ġiet effettivament fi tmiemha u ż-żewġ partijiet ġew maħlula minn kull dmir, dritt u obbligu.
Dan ifisser ukoll li l-partijiet kellhom jirritornaw għall-istess pożizzjoni li kienu fiha qabel il-kuntratt, u cioe’, Dr. Balzan jerġa jkompli fl-impjieg tiegħu bhala Konsulent fid-Dipartiment u d-Dipartiment, jekk ikun irid iżomm ħajja l-pożizzjoni ta’ Deputy Chairperson, jerġa joħroġ sejħa oħra mill-ġdid.
Issa nixtieq hawn li kemm Balzan, kif ukoll xi ħadd li hu awtorevoli, jilluminana x’ ġara eżatt f’dan il-punt.
Allura se nindirizza kemm lil Dr. Martin Balzan innifsu, kemm lic-Chairperson tad-Dipartiment tal-mediċina, kif ukoll lill-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei.
Pubblikament, u b’responsabbilta’, nistaqsi lil Dr. Martin Balzan biex jgħidilna jekk il-partijiet inħallux mid-dmirijiet, drittijiet u obbligi kuntrattwali, hekk kif it-terminu tal-kuntratt ġie fi tmiemu.
Imbaghad, pubblikament u b’responsabbilta’, nistaqsi wkoll lic-Chairperson tad-Dipartiment tal-mediċina u lic-Chief Executive Officer tal-Isptar Mater Dei, rispettivament, biex jikkonfermawlna jekk mad-data tat-terminu ħarġitx sejħa oħra ġdida jew le.
Qed nistenna tweġiba ċara mingħajr tidwir mal-lewża.
1 Comment
Prosit Gafa. Keep it up ghax dil-persuna ma jistoqliex ahjar Ghax dil-peruna ul-klika taghha hlif dbatjia lil poplu li kellu bzon jinqeda mil-lisptar ma ghmlux.