Minn konkos għal spazju ambjentali miftuħ: 9,000 metru kwadru t’art f’Pembroke mibdula fi ġnien

Neville Gafa

~ 2 weeks ago

Minn konkos għal spazju ambjentali miftuħ: 9,000 metru kwadru t’art f’Pembroke mibdula fi ġnien

Disat elef metru kwadru t’art f’Pembroke ġew mibdula fi ġnien mill-isbaħ għar-residenti ta’ Pembroke u l-inħawi. L-art li tinsab f’żona tal-iżvilupp kienet spazju miksi konkos, li grazzi għall-ħidma ta’ Project Green illum inbidlet fi ġnien li jista’ jitgawda f’ambjent mill-isbaħ.

 

Ġnien San David, l-isem magħżul mill-Kunsill Lokali ta’ Pembroke, jinsab biss 10 minuti mixi ‘l bogħod mir-residenzi ta’ madwar 3,600 familja li jgħixu fil-madwar.

 

 

L-ispazju ġdid aħdar ġie inawgurat mill-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli u l-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green Joseph Cuschieri flimkien ma’ Kaylon Zammit, is-Sindku ta’ Pembroke u l-membri tal-Kunsill Lokali.

 

“Spazju wara ieħor, qed inwettqu l-viżjoni ta’ aktar spazji miftuħa għall-komunitajiet tagħna. Proġetti li jsebbħu ż-żoni urbani u joffru spazji ambjentali lil min iżurhom. Dawn huma l-ġonna ta’ kulħadd – żuruhom, ħudu ħsiebhom u fuq kollox gawduhom,” qalet il-Ministru Dalli.

 

B’investiment ta’ madwar €700,000, fi Ġnien San David saru bosta interventi biex ikun jista’ jinħoloq dan il-ġnien. Biswit hemm tliet ġibjuni tal-ilma li se jintużaw għat-tisqija. Biex tissaħħaħ is-sostenibbiltà tiegħu, fil-ġnien intuża materjal permeabbli biex l-ilma tax-xita jiffiltra b’mod naturali. Il-passaġġi wesgħin huma maħsuba biex il-ġnien ikun aċċessibbli għal kulħadd. Tħawlu madwar 113-il siġra u ‘l fuq minn elf arbuxell.

 


II-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green Joseph Cuschieri sostna li Project Green qed taħdem bis-sħiħ biex aktar komunitajiet igawdu minn spazji miftuħa qrib tagħhom. “F’dan il-proġett rajna li nagħtu l-ħajja lil din iż-żona, hekk kif minn żona bil-konkos illum qed naraw ġnien b’siġar u fjuri li qed jagħtu dehra isbaħ u spazju ġdid fejn ir-residenti jistgħu jqattgħu ftit ħin ta’ rilassament jew jiġu għal xi mixja ħelwa,” qal Joseph Cuschieri.

 

Is-Sur Cuschieri spjega wkoll kif b’ħidma konġunta ma’ Aġenzija Sapport, Project Green diġà tat bidu għar-riġenerazzjoni t’art biswit dan il-ġnien ġdid sabiex l-ispazji miftuħa jkomplu jikbru.

 


Ix-xogħlijiet saru b’konsultazzjoni sħiħa mal-Kunsill Lokali ta’ Pembroke. Is-Sindku Kaylon Zammit spjega kif il-Kunsill għażel l-isem Ġnien San David minħabba l-ġemellaġġ li l-kunsill għandu mal-kunsill lokali ta’ Pembroke f’Wales. “Kemm jiena sodisfatt li permezz tal-kollaborazzjoni bejn Project Green u l-Kunsill Lokali qed jirnexxilna nersqu iktar lejn ix-xewqa tagħna biex naraw iktar spazji miftuħa fil-lokalità. Ikkollaborajna mar-residenti, smajna x’riedu r-residenti, u lħaqna bilanċ biex illum il-ġurnata għandna dan l-ispazju miftuħ ġdid.”

 

Il-Ministeru għall-Ambjent u l-entitajiet tiegħu diġà wettqu 60 proġett differenti ambjentali mill-2022 mifruxa madwar il-pajjiż, inkluż f’40 ġonna u parks u 20 wied.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

1 Comment

  1. saviour stivala May 27, 2025

    Lil Ministru Dalli. Zgur li taf bih ”FUQ IL-GIBJUN FTA-MLIT” Metta ha jitarnga biex jitgawda min nies ta ta-Mlit? .

    Reply

Leave a Comment saviour stivala Cancel Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *