Tissieħeb Fil-Partit Laburista Biex Isservi u Mhux Biex Tisserva

Neville Gafa

~ 3 days ago

Tissieħeb Fil-Partit Laburista Biex Isservi u Mhux Biex Tisserva

Minn Imħasseb Imsieħeb Fil-Partit Laburista

 

 

Dak li tgħallimna bħala ulied il-Partit Laburista mal-medda tas-snin kien dejjem f’linja waħda – li tissieħeb fil-Partit Laburista biex Isservi u Mhux biex Tisserva.

 

Għaliex ġejna mgħallma dan? Hu mill-għerq tat-twemmin Laburista li tkun ta’ serviżż lill-Ħaddemin li int tissieħeb fil-Partit Laburista. Dan għaldaqstant bir-rieda tiegħek jista’ iwasslek biex minn imsieħeb sempliċi tippreżenta lilek innifsek biex tkun membru f’kumitat lokali, kumitat distrettwali, eventwalment tista’ issib lilek innifsek delegat, membru fl-Ezekuttiv tal-Partit jew attiv f’xi waħda mill-fergħat tal-Partit innifsu, membru f’Kunsill Lokali, Deputat Parlamentari, Segretarju Parlamentari u saħansitra Ministru.

 

Dak li sfortunatament kien qiegħed jiġi rrappurtat mill-media lokali nkluż dan il-portal fl-aħħar xahrejn wera biċ-ċar li għandna elementi partikolari msieħba fil-Partit Laburista li qed jikkawzawlu ħsara kbira fuq livell ta’ Gvern peress li huma ma ssieħbux fil-Partit biex iservu imma biex jisservew u jkabbru n-negozju u l-kuntatti tagħhom inkluz li jakkwistaw salarju fenominali u lanqas ikunu jafu fejn hi l-għatba tal-bieb tal-post tax-xogħol tagħhom, oħrajn biex iwessgħu iċ-ċrieki tagħhom u fuq kollox mhux biss jaġevolaw lilhom infushom bil-goff imma lil dawk qrib tagħhom u lil dawk li aħna bħala Laburisti konna ngħajru lin-Nazzjonalisti biha ‘Tal-Qalba’ – jiġifieri jekk ma tkunx tal-qalba ma timxix.

 

Is-suspetti fondati li minn żmien għal żmien iqanqal dan il-portal zgur li ma jagħmlux ġieħ lil nies fil-Partit Laburista li taw kollox għalih. Nibdew bit-tabib Pawlu Boffa, id-Deputat Prim Ministru u wara President ta’ Malta Anton Buttiġieġ, in-Nutar Ġuże’ Abela li kien Ministru tal-Finanżi mill-iprem, Ġuże’ Ellul Mercer li kien Deputat Prim Ministru tal-Perit Mintoff, id-Deputat Prim Ministru Ġuze’ Cassar, il-Prim Ministru Karmenu Mifsud Bonnici, bniedem ta’ integrita’ kbira b’qalb tad-deheb li ma waqaf qatt jagħti l-karita’ sal-aħħar nifs ta’ ħajtu.

 

Għaldaqstant, meta b’onesta’ ngħidu li tant għandna minn ma jagħmilx ġieħ lill-Partit bl-aġir tiegħu u jitħabat tant biex joqgħod Chairman hawn u CEO hemm, konsulent ta’ dik u taparsi Advisor dwar l-oħra, dawn l-imsieħba bħalna ma jidħol xejn f’moħħhom li jgħidilhom li jekk almenu ma jkollhomx id-deċenża li jirrispettaw lilna bħala msieħba bħalhom, almenu jħarsu lejn Laburisti veri tal-azzar imsemmija u jieqfu milli jippuppaw u ma jkomplux jagħmlu ħsara lill-Partit Laburista li tant inħobbu? Possibbli dawn in-nies biss għandu taparsi kapaċi l-Partit Laburista? M’hemmx oħrajn fi ħdanu li kapaċi jaqdu lil pajjiżhom u ma jġibux lill-Gvern u lill-Partit fil-ħara li jġibuh?

 

Hemm xi raġunijiet oħra li aħna l-imsieħba ma nafux dwarhom u li għalhekk huma r-raġunijiet naturali li għalihom jintgħażlu dawn l-istess nies u dejjem huma qisu għandhom ċens perpetwu fis-siġġu li qed jokkupaw? Hemm xi ħadd li forsi ma jaħsibx li aħna l-imsieħba ma nafux x’qed jiġri jew imzazen kif kienu jgħidulna dejjem in-Nazzjonalisti? Imzazen m’aħniex, boloh lanqas u bil-wisq anqas ta’ subajna f’ħalqna.

 

Għad jiġi żmien li minħabba l-kunfidenża zejda li għandhom dawn l-istess nies fil-magna ta’ kif jaħdem il-Gvern, il-Partit Laburista jieħu xi sorpriża. Minkejja li ftit jitkellmu b’mod ċar dwar l-għaxart elef imsieħeb fi ħdan il-Partit Labusista minn dawk it-tmenin elf li ma vvutawx is-sena l-oħra fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, bqajna bħala Partit ma tajnihomx widen, wieħed ma jeskludix li dawn l-istess individwi jerġgħu jirrepetu dak li għamlu.

 

Hawn min jgħid li l-poplu sovran u għaldaqstant kulħadd jiddeċidi hu personali kif jivvota. Izda wieħed jistaqsi, x’listi ngħataw ta’ dawn in-nies fl-aħħar tlettax-il xahar l-40 Deputat li għandna biex imorru Door to Door għand dawn l-istess imsieħba biex naraw x’wassal lilhom biex is-sena l-oħra ma vvuttawx? Nemmen li kieku dawn l-40 Deputat ingħataw lista biex javviċċinaw 20 imsieħeb fil-ħdan il-Partit fil-ġimgħa, kieku sal-lum dawn kollha kienu jkunu kollha midjurin u nafu x’wassal f’ħafna mill-każi lil dawn biex ma jivvutawx. Dan apparti li seta’ kellna oħrajn li biex ma jagħtux fil-għajn ħarġu jivvuttaw u ħassru l-vot.

 

Irridu nkunu adulti bizzejjed magħna nfusna u ngħidu l-verita’ f’kull ħin. Noqgħodu attenti mis-sorpriżi. Izda fuq kollox irridu nkunu viġilanti għal dawk l-imsieħba fil-Partit Labusita mhux biex iservu imma biex jisservew. Iż-żmien għadu favur tagħna. L-elezzjoni ġenerali fadlilha medja ta’ sena u disa’ xhur. Zgur li l-amministrazzjoni tal-Partit li hi tant innovattiva, kreattiva u friska u li qed tagħmel sforzi ġodda biex ma jintilef ħadd fix-xibka tal-baħħ tagħmel sforz qawwi biex tibda’ tissewwa l-ħsara kbira li saret minn dawk li l-għan tagħhom kien dak biss li jisservew u mhux iservu

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

1 Comment

  1. saviour stivala August 11, 2025

    Kif issewwija il-hsara li issir min min hu fill quccatta? bhall dak li dil-gimgha mar ghand salvu biex jiejed kemm haqqu li baqa fil gabinett. Likbar hsara min dawn in-nies issir hu mux mil gahan, il-gahan kelb ma jigdimx. Dwar dak ta ghawdex kif waqajt fill muta fuqu gafa?

    Reply

Leave a Comment saviour stivala Cancel Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *