Tibda l-ħidma fuq il-proposta dwar leave speċjali għal ġenituri ta’ trabi f’kura intensiva

Neville Gafa

~ 2 weeks ago

Tibda l-ħidma fuq il-proposta dwar leave speċjali għal ġenituri ta’ trabi f’kura intensiva

Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul iħabbar li l-leave għal koppji li t-trabi tagħhom jiddaħħlu fl-NPICU se jingħata liż-żewġ ġenituri u li mhux se jintefa’ piż żejjed fuq min iħaddem

 

 

 

 

Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul, ħabbar l-ewwel dettalji dwar leave speċjali għal koppji li t-trabi tagħhom ikunu rikoverati fl-NPICU.

Fil-ftuħ ta’ konferenza nazzjonali dwar l-NPICU Support Leave, li ttellgħet sabiex tniedi diskussjoni fuq livell nazzjonali, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul ħabbar li dan il-leave, meta jidħol fis-seħħ, se jkun qed jingħata mhux biss lill-omm, iżda anke lill-partner tagħha. Il-leave se jkun qed jingħata wkoll lill-koppji tal-istess sess.

Fid-diskors tiegħu Dr Ellul enfasizza li bl-introduzzjoni ta’ dan il-leave mhux se jkun qed jintefa’ piż żejjed fuq min iħaddem, anke jekk aċċenna li biex pajjiżna jimxi ‘l quddiem f’dawk li huma drittijiet għall-familji, hemm bżonn li kulħadd jiġbed ħabel wieħed.

Is-Segretarju Parlamentari spjega li diġà skattat konsultazzjoni interna dwar il-bżonn ta’ dan il-leave, li minnhom irriżulta li meta koppja tqatta’ l-ħin mat-tarbija tagħhom waqt li din tkun f’kura intensiva, dan iwassal sabiex it-tarbija tirkupra aktar malajr.

 

 

 

Apparti l-aspett mediku, hemm ukoll l-aspett finanzjarju, b’Dr Ellul jgħid illi dan il-leave se jkun qed itaffi ftit mill-piż finanzjarju, u ħafna drabi mhux mistenni, li jaffaċċjaw il-koppja meta bħal sajjetta fil-bnazzi t-tarbija tispiċċa f’kura intensiva.

Matul il-konferenza kien hemm bosta interventi oħra, fosthom minn ġenituri li għaddew minn din l-esperjenza. Dawn ilkoll irrikonoxxew il-bżonn ta’ sapport lil dawk li jkunu għaddejjin minn dan iż-żmien daqstant delikat.

Din il-konferenza nazzjonali kienet l-ewwel pass fid-diskussjoni dwar l-NPICU Support Leave, li fil-ġimgħat li ġejjin se tkun qed tissokta permezz ta’ aktar attivitajiet li matulhom il-partijiet kollha interessati se jkunu mistiedna jaqsmu l-ħsibijiet tagħhom, sabiex kif temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul, bi sforz kollettiv titfassal liġi li verament tagħmel id-differenza fil-ħajja tan-nies.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

1 Comment

  1. B. Borg September 27, 2025

    Prosit!

    Dan hu socjalizmu kif suppost

    Reply

Leave a Comment B. Borg Cancel Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *