L-Isfidi tal-Partit Laburista għall-Elezzjoni Ġenerali li Jmiss

Neville Gafa

~ 2 minutes ago

L-Isfidi tal-Partit Laburista għall-Elezzjoni Ġenerali li Jmiss

Minn Osservatur Ta’ Ġrajjiet Kurrenti Msieħeb fil-Partit Laburista

 

 

 

Partit Laburista

 

 

 

Filwaqt li bla dubju numru estensiv ta’ partitarji Laburisti bħali ta’ kuljum jitkellmu ma’ qraba u ħbieb u fuq kollox ma’ imsieħba bħali dwar id-data potenzjali għal elezzjoni ġenerali, f’dawn l-artikoletti li mill-qalb qed inkun nikteb ser nagħti stampa ċara u veritiera ta’ dak li mhux biss jiġi msefsef fil-widnejn imma ta’ ħafna aktar li ħutna l-Laburisti jgħidu bl-izjed mod apert partikolarment lil Ministri u Segretarji Parlamentari dwar l-uġigħat tagħhom.

 

Dan l-ewwel artikolett nixtieq niddedikah lill-ewwel sfida primarja li għandu l-Partit Laburista iżda fuq kollox il-Leader bħala Prim Ministru.

 

 

Robert Abela

 

 

Filwaqt li Robert Abela jinsab bejn il-morsa u l-inkwina peress li moħħu jgħidlu li għandu jsejjaħ elezzjoni bikrija mhux iżjed tard minn Ġunju 2026, jiġifieri sena u xahrejn qabel l-iskadenża tal-leġislatura leġislattiva ta’ dan il-Gvern immexxi minnu, bla dubju Robert Abela nnifsu għandu numru ta’ sfidi partikolari biex iwassal għal tali konvinċiment.

 

L-ewwel: Hawn xi kriżi kostituzzjonali f’Malta fejn membri tal-Gvern qasmu l-Kamra tar-Rappreżentanti u għaldaqstant ġabu fix-xejn il-maġġoranża parlamentari li kellu minn dejjem fil-leġislatura l-Partit Laburista? – Le mhux il-każ.

 

It-tieni: Hemm xi diżgwid mal-Kummissjoni Ewropea dwar id-defiċit tal-pajjiż li minħabba fih Malta mhux ser jirnexxilha toħroġ mill-Excessive Deficit Preocedure – jiġifieri nefqet ftit iżled minn dak permess mill-Unjoni Ewropeja biex tkun ta’ wens u sostenn liċ-ċittadini tagħha? Le mhux il-każ lanqas.

 

It-tielet: Hemm xi polemika għaddejja mal-Bank Ċentrali Ewropew li aħna l-Laburisti almenu ma nafux dwarha rigward xi stampar ta’ karti tal-flus tal-Ewro x’imkien f’Malta u li sabu lilhom infushonm fiċ-ċirkolazzjoni? – Le lanqas mhux il-każ.

 

Ir-raba’: Kien hemm xi ħaġa li nżammet mistura minna l-Laburisti dwar il-kunflitt fl-Ukraina li ma ġietx mgħarrfha lilna? – Sa fejn hu magħruf mhux il-każ lanqas.

 

Il-ħames: Hemm xi punt partikolari dwar il-kunflitt tal-Medda ta’ Gaza li Malta kienet involuta fih u li qatt ma ġie relevat? Ma jidhirx li hu l-każ lanqas.

 

Is-sitta: Niftaħru u hekk hu li għelibna l-Pandemija tal-Covid u għamilna lil kulħadd sinjur, għaldaqstant hemm xi ħaġa li mhux tasal għandna l-Laburisti dwar din il-pjaga li forsi nżammet sigriet? Mhux il-każ lanqas.

 

Is-seba’: Forsi ser jingħalaq il-Kanal tas-Suez fix-xhur li ġejjin u ser joqtolna bil-ġuħ, għaldaqstant ikun iżjed għaqli li tissejjaħ elezzjoni ġenerali bikrija ħalli ma jkunx hawn effetti ħżiena fuq Malta? Mhux il-każ lanqas.

 

It-tmienja: Jista’ ikun li Malta ser ikollha tibgħat is-suldati limitati tagħha Greenland biex tgħin lil dawk Daniżi jiddefendu t-territorju tagħha u għaldaqstant Robert Abela jkun irid jikseb mandat elettorali ġdid biex ikun jista’ jagħmel dan? Le mhux il-każ żgur għal Malta ħanina tagħna.

 

Mela x’inhu dak kollu li b’xi mod qed jintriga lil Robert Abela jimbotta lilu nnifsu li jsejjaħ elezzjoni ġenerali bikrija sena u xahrejn qabel jispiċċalu l-mandat leġislattiv li għandu?

 

Robert Abela u l-Partit Laburista fil-Gvern inħakmu minn letarġija esaġerata li ilna ma naraw bħalha mill-2010, jiġifieri l-aħħar leġislatura ta’ Lawrence Gonzi meta l-gvern tiegħu kien xjaħ. Ministri, Segretarji Parlamentari u Deputati jaħsbu li tista’ tirbaħ l-elezzjoni tiġi meta tiġi billi tagħmel uploads tal-partner tiegħek għaliex għandu l-birthday b’xi daħka falza u sfurzata fuq facebook, jew għaliex it-tifla kellha l-birthday u qed tawguralha, jew it-tfal tiegħek deħlin jew ħerġin mill-iskola, jew tagħmel xi messaġġ għaliex tkun għamlet xi beżqa xita x’imkien. Ġibulu ftit rispett lill-Leader jekk jogħġobkom u almenu rrispettaw l-intelliġenża tagħna l-Laburisti. Aħna kapaċi naqraw dak li ma jinkitibx iżjed milli taħsbu intom.

 

Mhux bilfors ikollu jsejjaħ elezzjoni ġenerali bikrija Robert Abela meta llum il-Laburisti u ħutna l-Maltin kollha ma jinqdew imkien f’ebda dipartiment jew minn kull entita’ governattiva oħra. Kollha sinjali ta’ letarġija. Għejja tboss.

 

Alex Borg

 

 

Ma ninsewx lanqas jekk irridu nkunu onesti li fl-aħħar 4 xhur trid jew ma tridx il-Kap Nazzjonalista Alex Borg ġab ċertu entużjazmu li kompla tappan it-telqa tagħna, tant li meta titkellem ma’ Laburisti bħalna nkluż dawk f’organi tal-Partit jgħidulek li ma tistax tafda li ma jmurx Borg ikompli jidħlilna flok ma ngħidu bil-maqlub: ejjew inxammru ħalli noffru sfida ta’ vera lix-xejn u nerġgħu nirbħu b’maġġoranza sabiha.

 

Dawn huma l-iprem sfidi li l-ewwel għandu Robert Abela nnifsu bħala Prim Ministru u Leader tal-Partit tagħna filwaqt li bla dubju konxju li t-taparsi raġunijiet msemmija biex isseħħ elezzjoni ġenerali bikrija m’għandhom ebda validita’ ta’ xejn.

 

Rizoluzzjoni waħda biss fl-opinjoni fqira tiegħi ta’ kważi bniedem anzjan: Ejjew inxammru u nħabbtu l-bibien. Kemm il-Laburist, il-floater u kif ukoll in-Nazzjonalist jieħdu gost li jaraw kandidat għall-elezzjoni ġenerali jħabbatlu l-bieb u bla dubju din hi r-raġuni primarja għaliex m’għandiex issir elezzjoni ġenerali bikrija ħalli ċ-ċittadini jingħataw l-opportunita’ li jiltaqgħu mal-kandidati tagħhom u mhux indaħħlu fil-moħħ tan-nies li jeħtieġ li ssir qabel peress li d-distakk bejn il-partit tagħna u n-Nazzjonalisti qed jonqos.

 

 

Bla dubju t’hawn fuq hi l-verita’ u xejn izjed mill-verita’ u għalhekk zgur li ser ikollha ħafna reazzjonijiet iżda fuq kollox jekk kull wieħed u waħda minna jieħu l-inkarigu biex jekk inkunu nafu li ser ikun hemm xi Laburist jew Laburista li mhux ser jivvutaw, nagħmlu dak kollu possibbli għal konvinċiment peress li l-aħjar triq għal Malta tibqa’ dejjem Labour.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *