Il-Partit Laburista jrid jirbaħ l-Elezzjoni Ġenerali li jmiss?

Neville Gafa

~ 4 hours ago

Il-Partit Laburista jrid jirbaħ l-Elezzjoni Ġenerali li jmiss?

Jekk il-Partit Laburista jrid jirbah l-Elezzjoni Ġenerali li qegħdha wara l-bieb, allura għandu jħares lejn kif titmexxa l-Knisja Kattolika.

 

Issa min jifhem il-politika Maltija għandu jkun jaf kif Gvernijiet Laburisti mxew kemm sa mit-twaqqif tiegħu kif ukoll fi żminijiet aktar riċenti.

 

Il-Knisja Kattolika f’Malta kienet, għadha u tibqa’ b’saħħitha. Irrelevanti minn numri ta’ nies li jattendu għall-Quddiesa nhar ta’ Ħadd. Dawk il-persentaġġi ma jirriflettux il-livell ta’ saħħa.

 

Anzi juru l-oppost.

 

Il-Knisja għadha u tibqa’ b’saħħitha.

 

Il-mudell tal-Knisja f’Malta qatt ma nħadem skont in-numri, iżda skont il-politika li sawret lill-Knisja. L-istess il-Partit Laburista. Partit li kien issawwar primarjament fuq il-valuri soċjali fost l-oħrajn. Dan mingħajr ma ninsew il-valuri Nsara li dejjem ħaddan dan il-Partit. Anke fi żminijiet tad-dlam u persekuzzjoni mill-Knisja, it- tagħlim ta’ Ġesù Kristu ipprevala.

 

In-numri dejjem ġew wara.  Għax il-Partit Laburista qatt ma ħares lejn in-nies bħala numri.  Qatt Il-Partit ma tqaħħab biex iżid fin-numri. U għalhekk mill-2013 ‘l hawn rajna żieda astronomika fin-numri. It- twemmin ġie l-ewwel. Fl-2008 inbeda strutturar kbir fil-Partit, madankollu it- twemmin u l-ideal baqa’ li kien. Wara beda jħares lejn in-numri li sarfu fl-akbar rebħa elettorali fl-Istorja ta pajjiżna.

 

Sfortunatament, tul dawn l-aħħar snin, il-Partit Laburista beda jinfluwenza ruħu minn numri. Dan wassal sabiex bosta Laburisti mill-għeruq twarrbu u sfaw umuljati u  saħansitra ġew oħrajn friski daqs ħassa li qabżu l-kju u kienu huma stess li umiljaw lill-ħafna minn ħutna Laburisti.

 

Il-Partit Laburista wasal fi stat li ma jistax jibqa’ jħares lejn in-numri ta’ ftit snin ilu. Ikun żball kbir jekk politikament infasslu l- politika tal-futur qarib skont in-numri li ġibna fl-aħħar Elezzjoni Ġenerali tal-2022.

 

Ċertu nies li qed jagħtu ċertu pariri qegħdin kuljum jitfgħuna ġol-ħajt. Il-Prim Ministru jaħdem qatigħ.  Però l-Gvern jeħtieġ joqgħod attent u jixtarr ċertu pariri li qed jingħata minn ċertu nies. Għax l-aġenda tagħhom mhux dik tal-Partit Laburista. Ma hemmx armonija mal-aġenda tal-Partit u tal-Gvern Laburista.

 

Nies li qatt ma kienu parti mill-familja Laburista ma jistgħu QATT jifhmu it-twemmin u l-passjoni li bihom tnissel u li fuqhom issawwar il- pedament ta’ dan il-Partit. Biex tħoss u tifhem dak li jħoss il-Laburist lejn il-Partit Laburista trid tkun twelidt fih. Il-bqija jridu jgħaddu għexieren ta’ snin biex forsi wieħed minn barra jibda jifhem xi tfisser li tkun Laburist, jew jibda jifhem il-veru kobor tal-Partit Laburista u x’ wasslu biex ikun daqshekk glorjuż.

 

Nibqgħu nemmnu li l-bibien għandhom ikunu miftuħa għal kulħadd. Merħba lil din id-dar u kull min jgħammar fiha. Merħba lil kull min irid jingħaqad u jsir parti minn dan il-Moviment. Però jinżamm il-kju. Għax fil-politika,  li tal-ewwel jiġu l-aħħar u tal-aħħar jiġi l-ewwel ma taħdimx. Twassal għal kollass politiku.

 

Iż-żmien li n-numri jkunu fiċ-ċentru tat-tfassil tal-istrateġija politika għadda u ndifen fil-passat remot. Ejja nagħmlu “eżami tal-kuxjenza” sabiex naraw fejn qed infallu. Lil min qed nonqsu minn ħutna. Ejja naraw kif se nwaqqfu dan il-momentum li għalkemm għandna xi tużżana siġġijiet parlamentari aktar, in-Nazzjonalisti telgħu fuq rasna u saħansitra għelbuna fl-ogħla Istituzzjoni tal-pajjiż.

 

Il-Knisja Kattolika naqset fin-numri u baqgħet b’ saħħitha. Il-Partit Laburista żied fin-numri u beda jiddgħajef.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *