STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD-DJALOGU SOĊJALI U L-AKKOMODAZZJONI
Bl-istqarrija tiegħu dwar equal pay for equal work, il-Partit Nazzjonalista qed juri b’mod ċar li dak li jinteressah huwa biss li jiżgwida. Iżda agħar minn hekk, qed jiżgwida b’mod infondat, peress li jidher ċar li ħadd minn dawk li ħarġu l-istqarrija ma jaf jew ma jifhem kif il-Gvern jinnegozja ftehimiet mal-unjins tal-ħaddiema.
Il-ħaddiema fl-entitajiet pubbliċi, li jammontaw għal madwar 20,000 ħaddiem, huma rregolati permezz ta’ ftehimiet milħuqin bejn il-management ta’ kull entità u l-unjins rispettivi, bl-appoġġ tal-Industrial Relations Unit fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Dawn il-ftehimiet jinkludu diversi kundizzjonijiet u benefiċċji li jimxu pari passu ma’ dawk tas-Servizz Pubbliku.
Huwa importanti li jiġi kjarifikat li t-tqabbil magħruf bħala equal pay for equal work mhuwiex applikabbli f’dan il-kuntest, kif ipprova jindika l-Partit Nazzjonalista. Dan għaliex l-entitajiet pubbliċi u s-Servizz Pubbliku għandhom status legali differenti. Dan l-istatus jippermetti negozjati differenti u flessibbli skont il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ kull entità. Bħala eżempju jeżistu kundizzjonijiet oħra bħal allowances, għas-settur pubbliku li ma japplikawx għall-ħaddiema tas-servizz pubbliku.
Żgur li l-unjins firmatarji tal-Ftehim Kollettiv tal-Uffiċjali Pubbliċi, li parti minnhom huma l-istess unjins li magħhom jiġu nnegozjati l-ftehimiet tal-entitajiet, awtoritajiet u aġenziji pubbliċi, qatt ma jaċċettaw diskriminazzjoni bejn il-ħaddiema. Dawn l-unjins jafu ferm aktar il-verità, inkluż li l-entitajiet pubbliċi minn dejjem ġew trattati b’mod tajjeb.
Aktar minn hekk, tant il-Gvern indirizza l-kwistjoni tal-equal pay for equal work li, sabiex il-ħaddiema tal-kuntratturi jitħallsu daqs dawk tal-Gvern, investa sa massimu ta’ €60 miljun biex jindirizza d-diskrepanzi u l-anomaliji fil-pagi.
Infakkru wkoll li l-Ftehim Kollettiv għall-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku, li ġie maqbul u ffirmat fid-29 ta’ Novembru 2024 ma’ għaxar unjins, jirregola l-kundizzjonijiet ta’ madwar 33,000 ħaddiem. Permezz ta’ dan il-ftehim, il-ħaddiema se jibbenefikaw minn żidiet fis-salarji ferm ogħla minn dawk tas-snin preċedenti – żidiet ta’ livell li qatt ma dehru qabel. F’dan il-ftehim ġie introdott ukoll long service bonus, propost mill-Gvern sabiex jagħti rikonoxximent lill-ħaddiema b’snin twal ta’ servizz.
Għal ħafna snin, il-ħaddiema tal-Amministrazzjoni Pubblika kienu ilhom jenfasizzaw id-differenzi li nħolqu qabel l-2013, meta l-entitajiet pubbliċi kienu ferm aktar vantaġġjati mis-Servizz Pubbliku.
Dan il-Gvern ilu jaħdem b’mod konsistenti biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tas-Servizz Pubbliku, sabiex jerġa’ jsir kompetittiv fis-suq tax-xogħol. Dan jidher mill-għadd ta’ ftehimiet kollettivi li ntemmu b’suċċess matul dawn l-aħħar snin. Fl-istess ħin, dan l-avvanz fis-Servizz Pubbliku ma jnaqqas xejn mill-valur, mill-kundizzjonijiet u mill-benefiċċji li diġà għandhom il-ħaddiema fl-entitajiet pubbliċi.


1 Comment
Andy hu bin il-haddiema u kien haddiem ukoll.
Forsi l-PN ghandhom jifmhu u jevalwaw qabel jifthu halqhom, li hemm politici qatt ma qamu filghodu u saru s-sodda mifruxa imma kellhom ixamru l-kmiem.