Minn Osservatur Ta’ Ġrajjiet Kurrenti Msieħeb fil-Partit Laburista

Min għandu l-eta’ tiegħi jiftakar li lejn tmiem is-snin sittin, bħala Maltin u Għawdxin kien ikollna espressjoni: ‘Tgħajjatx għaliex tqajjem il-Gvern’. Il-Gvern immexxi minn George Borg Olivier kien meqjus li kien għejja wara disa’ snin fit-tmexxija, kien sar letarġiku, għaldaqstant din kienet il-frażi li tintuża miċ-ċittadini.
Illum sfortunatament minkejja li forsi l-qoxra turi mod ieħor, fil-verita’ in-nuqqas ta’ ħeġġa hi rampanti. Bla dubju, li wieħed mill-oqsma fejn il-letarġija ħakmet ħażin ħafna lill-pajjiż hi fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali.
Qiegħed jirriżulta li kontra l-iżvilupp ta’ oqsma ta’ djar li rnexxielu dejjem jibni l-Partit Laburista fis-snin tal-Perit Mintoff kemm wara l-gwerra kif ukoll fis-snin sebgħin, sfortunatament issa qed nassistu għal tilqit, ninsew oqsma ta’ djar mibnija mill-Gvern imma nikru mingħand il-privat pero’ kollha nafu li l-Awtorita’ tad-Djar bejn l-2000 applikazzjoni li għandha għal akkomodazzjoni soċjali u l-vera appartamenti li jistgħu jiġu allokati hemm baħar x’ jaqsam. Vera li forsi xi żviluppaturi jippreferu jikru lill-Awtorita’ għaliex bis-saħħa t’hekk idaħħlu Ewro 800 ta’ kull appartament kull xahar u jserrħu rashom li għal 10 snin ser ikollhom dak id-dħul, iżda vera wkoll li kif żviluppa is-suq tal-kiri fl-aħħar snin mhux dejjem ikun jaqblilhom hekk.

Barra minhekk, hu fatt magħruf li l-Awtorita’ tad-Djar m’għandiex il-finanżi meħtieġa biex tikri tant postijiet lanqas peress li dan ikun ta’ piż eventwalment fuq il-Fond Konsolidat. Kollox jindika wkoll li meta persuna tapplika għal għajnuna għal sussidju tal-kera, minn meta l-applikazzjoni tiġi sottomessa sakemm tiġi approvata, jgħaddu għaxar xhur miżerjament u dan għaliex jekk l-Awtorita’ tad-Djar ma tkunx irċeviet il-flus mill-Ministeru tal-Finanżi biex tali persuni jkunu jistgħu jingħataw l-għajnuna meħtieġa, l-applikazzjoni tagħhom ma tistax tiġi approvata.
Il-fattur tal-flus għaldaqstant għall-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali hu problematiku fih innifsu. Mill-banda l-oħra, l-ħatra tas-Segretarju Parlamentari Dr Andy Ellul biex ikun politikament responsabbli minn tali qasam bla dubju għandu jagħti tama’ l-ewwelnett biex l-istess Dr. Ellul inessel il-fiduċja meħtieġa mal-Ministru tal-Finanżi Clyde Caruana biex dan ikun jista’ bil-mod il-mod iżid l-allokazzjoni finanżjarja meħtieġa biex verament il-Gvern ikun f’qagħda li jikri biex jassisti għaliex ikollu l-meżżi biex jagħmel dan. Bla dubju, l- Onor. Ellul ser jieħu l-inkarigu biex jara kif ikun jista’ iqassar iż-żmien li tieħu applikazzjoni għal sussidju tal-kera biex min verament ma jiflaħx għall-piż jiġi mgħejjun.

Dr. Andy Ellul hu magħruf bħala bniedem li jwassal u għaldaqstant għandu żewġ sfidi oħra ewlenin quddiemu. L-ewwel, li l-Awtorita’ tad-Djar ikollha Taqsima tal-Customer Care li taħdem b’mod effiċjenti u meta jċempel iċ-ċittadin l-uffiċċini tal-Awtorita’ almenu jsib lil xi persuna li tkellmu mhux it-telephone jdoqq u jdoqq jibqa’ bla ma jiġi mwieġeb. Dan jgħodd ukoll għall-misħutin e-mails li jispiċċaw mhux mwieġba jew jekk isir dan wara ġimgħat sħaħ bil-konsegwenża li bejn l-ewwel darba li persuna tkun kitbet u t-tweġiba li ngħatat anke ċ-ċirkostanżi tagħha jkunu tbiddlu.
Sfida oħra li għandu Dr. Ellul u li bla dubju ser ikollu jindirizza hi l-kumpannija parastatali ‘Housing Projects Management and Embellishment Limited’ li jekk irridu nkunu onesti magħna nfusna bħala Laburisti, din qatt ma wettqet xejn fil-ħin, maħkuma minn letarġija kbira u mimlija b’nies li la għandhom il-kapaċita’, la l-abbilta’ u lanqas ir-rieda li jagħmlu ġid lill-Gvern tal-ġurnata għaliex mhux iħossu l-ħtieġa li dan qasam delikat ħafna li jista’ jiswa eluf ta’ voti lill-Partit Laburista fil-Gvern.
Nemmen ukoll li ċ-ċittadin, speċjalment iż-żgħir ħadd m’għandu jidħak bih u jgħidlu li ngħata ċavetta ta’ post għall-akkomodazzjoni soċjali meta lanqas dak il-post ma jkun għadu nbena’ u fl-istess ħin tippreżentah b’ċavetta ta’ bieb li lanqas jeżisti. In-nies illum jafu iżjed milli naħsbu u bħalma kulħadd jaqra x’ġara f’diversi pajjiżi Ewropej fejn rajna skandli kbar inkluż dawk sesswali ta’ favuri ta’ tali portata li jkexxkxu, żgur u bla dubju li l-ħatra ta’ Dr. Andy Ellul qatt u qatt ma twassal għal tali aġir peress li hu meqjus bħala bniedem onest u ultra korrett.

Partit Laburista
It-triq ‘l quddiem għall-Partit Laburista f’dan il-qasam mhux faċli xejn imma mhux impossibbli. Bla dubju imma jekk tittieħed l-azzjoni li hemm bżonn u l-elezzjoni ġenerali li jmiss issir fi żmienha, lejn nofs is-sena d-dieħla, il-Gvern immexxi mill-Partit Laburista jkun jista’ jikseb il-kredibilita’ f’dan il-qasam u jibdew jittaffew l-uġigħat ta’ tant nies mhux lanqas ta’ twemmin Laburista bħalna.
Nota Editrjali :
Meta persuna tapplika għal sussidju tal-kera, minn meta l-applikazzjoni tiġi sottomessa sakemm tiġi approvata, in-normalità hi li jiġu proċessati u approvati f’temp ta’ tmien (8) ġimgħat.

