L-Isfida Numru Wieħed għall-Partit Laburista lejn Elezzjoni Ġenerali fl-2027: Il-Qasam tal-Akkomodazzjoni Soċjali

Neville Gafa

~ 3 weeks ago

L-Isfida Numru Wieħed għall-Partit Laburista lejn Elezzjoni Ġenerali fl-2027: Il-Qasam tal-Akkomodazzjoni Soċjali

Minn Osservatur Ta’ Ġrajjiet Kurrenti Msieħeb fil-Partit Laburista

 

 

 

 

 

 

 

Min għandu l-eta’ tiegħi jiftakar li lejn tmiem is-snin sittin, bħala Maltin u Għawdxin kien ikollna espressjoni: ‘Tgħajjatx għaliex tqajjem il-Gvern’. Il-Gvern immexxi minn George Borg Olivier kien meqjus li kien għejja wara disa’ snin fit-tmexxija, kien sar letarġiku, għaldaqstant din kienet il-frażi li tintuża miċ-ċittadini.

 

Illum sfortunatament minkejja li forsi l-qoxra turi mod ieħor, fil-verita’ in-nuqqas ta’ ħeġġa hi rampanti. Bla dubju, li wieħed mill-oqsma fejn il-letarġija ħakmet ħażin ħafna lill-pajjiż hi fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali.

 

Qiegħed jirriżulta li kontra l-iżvilupp ta’ oqsma ta’ djar li rnexxielu dejjem jibni l-Partit Laburista fis-snin tal-Perit Mintoff kemm wara l-gwerra kif ukoll fis-snin sebgħin, sfortunatament issa qed nassistu għal tilqit, ninsew oqsma ta’ djar mibnija mill-Gvern imma nikru mingħand il-privat pero’ kollha nafu li l-Awtorita’ tad-Djar bejn l-2000 applikazzjoni li għandha għal akkomodazzjoni soċjali u l-vera appartamenti li jistgħu jiġu allokati hemm baħar x’ jaqsam. Vera li forsi xi żviluppaturi jippreferu jikru lill-Awtorita’ għaliex bis-saħħa t’hekk idaħħlu Ewro 800 ta’ kull appartament kull xahar u jserrħu rashom li għal 10 snin ser ikollhom dak id-dħul, iżda vera wkoll li kif żviluppa is-suq tal-kiri fl-aħħar snin mhux dejjem ikun jaqblilhom hekk.

 

 

 

 

 

Barra minhekk, hu fatt magħruf li l-Awtorita’ tad-Djar m’għandiex il-finanżi meħtieġa biex tikri tant postijiet lanqas peress li dan ikun ta’ piż eventwalment fuq il-Fond Konsolidat. Kollox jindika wkoll li meta persuna tapplika għal għajnuna għal sussidju tal-kera, minn meta l-applikazzjoni tiġi sottomessa sakemm tiġi approvata, jgħaddu għaxar xhur miżerjament u dan għaliex jekk l-Awtorita’ tad-Djar ma tkunx irċeviet il-flus mill-Ministeru tal-Finanżi biex tali persuni jkunu jistgħu jingħataw l-għajnuna meħtieġa, l-applikazzjoni tagħhom ma tistax tiġi approvata.

 

Il-fattur tal-flus għaldaqstant għall-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali hu problematiku fih innifsu. Mill-banda l-oħra, l-ħatra tas-Segretarju Parlamentari Dr Andy Ellul biex ikun politikament responsabbli minn tali qasam bla dubju għandu jagħti tama’ l-ewwelnett biex l-istess Dr. Ellul inessel il-fiduċja meħtieġa mal-Ministru tal-Finanżi Clyde Caruana biex dan ikun jista’ bil-mod il-mod iżid l-allokazzjoni finanżjarja meħtieġa biex verament il-Gvern ikun f’qagħda li jikri biex jassisti għaliex ikollu l-meżżi biex jagħmel dan. Bla dubju, l- Onor. Ellul ser jieħu l-inkarigu biex jara kif ikun jista’ iqassar iż-żmien li tieħu applikazzjoni għal sussidju tal-kera biex min verament ma jiflaħx għall-piż jiġi mgħejjun.

 

 

 

 

 

 

Dr. Andy Ellul hu magħruf bħala bniedem li jwassal u għaldaqstant għandu żewġ sfidi oħra ewlenin quddiemu. L-ewwel, li l-Awtorita’ tad-Djar ikollha Taqsima tal-Customer Care li taħdem b’mod effiċjenti u meta jċempel iċ-ċittadin l-uffiċċini tal-Awtorita’ almenu jsib lil xi persuna li tkellmu mhux it-telephone jdoqq u jdoqq jibqa’ bla ma jiġi mwieġeb. Dan jgħodd ukoll għall-misħutin e-mails li jispiċċaw mhux mwieġba jew jekk isir dan wara ġimgħat sħaħ bil-konsegwenża li bejn l-ewwel darba li persuna tkun kitbet u t-tweġiba li ngħatat anke ċ-ċirkostanżi tagħha jkunu tbiddlu.

 

Sfida oħra li għandu Dr. Ellul u li bla dubju ser ikollu jindirizza hi l-kumpannija parastatali ‘Housing Projects Management and Embellishment Limited’ li jekk irridu nkunu onesti magħna nfusna bħala Laburisti, din qatt ma wettqet xejn fil-ħin, maħkuma minn letarġija kbira u mimlija b’nies li la għandhom il-kapaċita’, la l-abbilta’ u lanqas ir-rieda li jagħmlu ġid lill-Gvern tal-ġurnata għaliex mhux iħossu l-ħtieġa li dan qasam delikat ħafna li jista’ jiswa eluf ta’ voti lill-Partit Laburista fil-Gvern.

 

Nemmen ukoll li ċ-ċittadin, speċjalment iż-żgħir ħadd m’għandu jidħak bih u jgħidlu li ngħata ċavetta ta’ post għall-akkomodazzjoni soċjali meta lanqas dak il-post ma jkun għadu nbena’ u fl-istess ħin tippreżentah b’ċavetta ta’ bieb li lanqas jeżisti. In-nies illum jafu iżjed milli naħsbu u bħalma kulħadd jaqra x’ġara f’diversi pajjiżi Ewropej fejn rajna skandli kbar inkluż dawk sesswali ta’ favuri ta’ tali portata li jkexxkxu, żgur u bla dubju li l-ħatra ta’ Dr. Andy Ellul qatt u qatt ma twassal għal tali aġir peress li hu meqjus bħala bniedem onest u ultra korrett.

 

 

 

Partit Laburista

 

It-triq ‘l quddiem għall-Partit Laburista f’dan il-qasam mhux faċli xejn imma mhux impossibbli. Bla dubju imma jekk tittieħed l-azzjoni li hemm bżonn u l-elezzjoni ġenerali li jmiss issir fi żmienha, lejn nofs is-sena d-dieħla, il-Gvern immexxi mill-Partit Laburista jkun jista’ jikseb il-kredibilita’ f’dan il-qasam u jibdew jittaffew l-uġigħat ta’ tant nies mhux lanqas ta’ twemmin Laburista bħalna.

 

 

Nota Editrjali :

 

Meta persuna tapplika għal sussidju tal-kera, minn meta l-applikazzjoni tiġi sottomessa sakemm tiġi approvata, in-normalità hi li jiġu proċessati u approvati f’temp ta’ tmien (8) ġimgħat.

 

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

1 Comment

  1. Vince February 16, 2026

    L-isfida numru wieħed li għandu l-Partit Laburista u li telfitu eluf ta’ voti, hi l-governanza tajba. Kull fejn tkun tisma’ stejjer li għal dawk (eluf siekta) li jemmnu fis-serjeta’, kontabilita’, transparenza u meritokrazija jdarsuk bil-kbir. Dawn in-nies jivvutaw biex ikun hawn tmexxija soda u li tagħmel dak li hu sew u mhux bil-maqlub!! Numru ta’ ministri nkompetenti f’xogħolhom u li ħsiebhom biss fil-bażi elettorali tagħhom. Il-qasam tal-housing soċjali għandu l-isfidi tiegħu li minn dejjem kienu u jibqgħu. Kull amministrazzjoni kellha tiffiċċja din l-isfida. Imma l-akbar sfidi f’dan is-settur hija l-ġungla ta’ prezzijiet tal-propjeta’ u l-livell ta’ propjeta’ li hawn illum fis-suq!! Propjeta’ litteralment gabubi bi prezzijiet fenominali!!!! Kull min għandu żgħażagħ fl-għoxrinijiet tagħhom jaf bil-problemi kbar li hemm f’dan is-settur. Għalkemm il-gvern ħoloq skemi fiskali sabiex jgħin, dawn inbelgħu mill-iżviluppaturi u l-povri żgħażagħ tagħna, iridu jew ma jridux, ikollhom jaraw kif ser isibu propjeta’ diċenti bi prezz mhux ta’ barra minn hawn!!! Inutli l-PM jgħid li ser jitkellem mal-imsieħba soċjali kif il-ġenituri ser ikollhom aktar ħin mal-familja!!! Iż-żgħażagħ tagħna l-akbar inkwiet tagħhom hu kif u meta ser iħallsu d-djun kbar li qed ikollhom jidħlu għalih!!!! Jistgħu jaħsbu biex ikollhom familja???? Niddubita!!! Għalhekk il-kopji tagħna mhux qed jaħsbu biex ikollhom aktar tfal. It-tfal iridu ħafna ħin (apparti l-flus) u llum min jidħol għall-piż tal-propjeta’ qed jistinka ħinijiet twal biex ilaħħaq mar-repayments tas-self mill-banek!!! Hemm bosta sfidi oħra; bħat-traffiku, konnettivita’ ma’ għawdex, iż-żieda fil-popolazzjoni, l-għoli tal-ħajja, s-servizzi tas-saħħa u l-edukazzjoni (bin-numru kbir ta’ tfal barranin li qed jiffaċċjaw l-għalliema tagħna). Jekk il-PL irid jirbaħ l-elezzjoni jrid jikkonvinċi kif ser jindirizza b’mod tanġibbli dawn l-isfidi!

    Reply

Leave a Comment Vince Cancel Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *