Min Jitlaq il-Bażi, Jitlef il-Poter

Neville Gafa

~ 1 week ago

Min Jitlaq il-Bażi, Jitlef il-Poter

Partit politiku huwa b’saħħtu daqs l-għeruq tiegħu. Dawk is-sostenituri l-aktar leali u determinati li bnewh, sostnewh fi żminijiet ta’ telf u ta’ rebħ, u żammew ħajjin il-prinċipji fundamentali tiegħu. Meta partit jieqaf jisma’ lil din il-bażi, il-konsegwenzi jkunu immedjati u gravi. Il-komunikazzjoni tinkiser, u l-partit jibda jitbiegħed mill-identità tiegħu stess.

 

Xi wħud minn dawk li  jieħdu d-deċiżjonijiet u jiddettaw l-aġenda jinqatgħu mir-realtà konkreta tal-votanti l-aktar fidili tiegħu. Dawn l-individwi jingħalqu f’Torri tal-Avorju u jinqatgħu mir-realtà.

 

Il-valuri ewlenin jitnaqqsu jew jitwarrbu biex jagħmlu spazju għal kunsens elitista. Dak li darba kien moviment mibni fuq konvinzjoni jinbidel f’apparat għall-poter.

 

Li titbiegħed mill-fidili mhux sempliċi żball. Huwa tradiment fundamentali. Il-partit jitlef ir-ruħ u l-iskop tiegħu. Jista’ għal xi żmien jibqa’ jirbaħ elezzjonijiet jew jiddomina l-aġenda tal-Komunikazzjoni, iżda mingħajr l-enerġija awtentika u l-lealtà tal-għeruq tiegħu, isir fraġli u bla direzzjoni. Il-votanti jħossu n-nuqqas ta’ awtentiċità. Il-parteċipazzjoni tonqos. Il-fiduċja tisparixxi. L-istess nies li kienu lesti jiġġieldu għall-kawża, jibdew jitbiegħdu jew ifittxu alternattivi. Dan minħabba individwi msakkra fit-Torri tal-Avorju.

 

 

 

 

Agħar minn hekk hemm iċ-ċaħda.  Ħafna drabi, dawn l-għorrief jirrifjutaw li jirrikonoxxu d-distakk dejjem jikber. Minflok jiddawru b’konsulenti, lobbyists u merċenarji li xogħolhom huwa li jimlew moħħ minn imexxi  li kollox miexi sew. Iwarrbu it-twissijiet tal-bażi għax skont huma skaduti, estremi jew mhux utli. Din iċ-ċaħda hija perikoluża għax timblokka kull korrezzjoni meħtieġa. Minflok riforma, it-tmexxija tirdoppja fuq l-istess strateġiji li kkawżaw il-qasma. Jikkonvinċu lill-partit li huma jafu aħjar minn dawk li tawh il-ħajja. Meta l-partit jisma’ minnhom, ikun qed iħaffef it-tnaqqir tiegħu stess.

 

L-akbar insult jasal meta sostenitur leali u determinat jitkellem b’mod sinċier. Minflok ma jinstema’, il-partit jittratta dik il-vuċi bħala għadu. Il-fidili jiġu ttimbrati bħala diviżivi u żleali. Il-kritika interna tiġi attakkata b’aktar ħruxija minn dik tal-avversarji. Din l-inverżjoni tal-lealtà tikxef il-fond tal-problema: it-tmexxija ma tibqax tara lill-għeruq tagħha bħala imsieħba f’kawża komuni, iżda bħala ostaklu għall-ambizzjonijiet tagħha stess. Dak li beda bħala moviment tal-poplu jirriskja li jsir proġett elitist li jikkastiga lill-istess partitarji li għamluh u żammuh ħaj.

 

 

Partit politiku b’saħħtu għandu jirrifjuta din it-triq. Għandu jżomm bibien  ta’ komunikazzjoni miftuħa mal-bażi tiegħu. Għandu jħares lejn il-kritika bħala prinċipju leali u mhux bħala tradiment, bħala korrezzjoni meħtieġa. It-tiġdid jitlob umiltà. Ritorn għall-prinċipji fundamentali u għarfien ċar li l-poter mingħajr għeruq huwa poter mingħajr leġittimità.

 

Partiti li jinfirdu mill-bażi tagħhom ma jdumux. Jistgħu jżommu għal żmien qasir, iżda fl-aħħar il-pedament iċedi. L-għeruq ma jinsewx. L-għażla hija ċara: jew terġa’ tingħaqad ma’ dawk li bnew il-partit, jew tara lill-istess partit jikkrolla bil-mod taħt il-piż tiegħu stess.

 

Viva l-Libertà tal-Espressjoni.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *