Is-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni organizza il-ħames minn sensiela ta’ avvenimenti tematiċi dwar ir-Riċerka u l-Innovazzjoni b’kollaborazzjoni ma’ Xjenza Malta. F’dan l-avveniment, ġie mħabbar investiment totali ta’ kważi €890,000 f’erba’ proġetti innovattivi li jiffukaw fuq is-settur tal-enerġija. Dan isegwi avvenimenti tematiċi preċedenti li saru dwar oqsma bħas-saħħa, it-teknoloġija diġitali, u n-nutrizzjoni.
Waqt id-diskors tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti saħaq li l-proġetti ppreżentati –AIRSAVE, VACUUM, HyMiCHP, u ECO-Composite – huma xhieda ta’ kif ir-riċerka lokali qed tindirizza sfidi globali b’mod proattiv. Dan l-isforz jinkwadra fil-Viżjoni Malta 2050, bil-għan li l-kwalità tal-ħajja tkun il-prijorità ewlenija f’pajjiż li jservi bħala ċentru ta’ eċċellenza. “Billi ninvestu f’dawn it-teknoloġiji tal-enerġija llum, qed inkomplu nsaħħu s-sigurtà tal-enerġija,” sostna s-Segretarju Parlamentari.

Huwa żied jgħid li r-rwol tal-Gvern huwa li jkompli jsostni din l-ekosistema billi jinvesti fit-talent Malti permezz ta’ Xjenza Malta. Dan l-investiment fir-riżorsa umana jippermetti li r-riċerkaturi lokali jikkollaboraw fuq livell internazzjonali – kif jidher mill-fond SINO-Malta – biex itejbu s-sostenibbiltà madwar id-dinja.
L-avveniment inkluda l-preżentazzjoni ta’ dawn il-proġetti innovattivi li qed jagħmlu differenza reali:
AIRSAVE: Proġett f’kollaborazzjoni ma’ AIMS Enterprises li juża l-Intelliġenza Artifiċjali biex inaqqas il-konsum tal-enerġija industrijali u l-emissjonijiet tas-CO2.

VACUUM: Inizjattiva flimkien ma’ Toly Products li introduċiet sistema ta’ sealless vacuum mold biex ittejjeb il-produzzjoni u tnaqqas l-ispejjeż operattivi.
HyMiCHP: Proġett f’kollaborazzjoni ma’ Abertax li żviluppa sistema microCHP biex tipprovdi enerġija affordabbli u effiċjenti lill-familji.
ECO-Composite: Kollaborazzjoni bejn l-Università ta’ Malta u z-Zhejiang Sci-Tech University li qed tibdel il-plastik tradizzjonali b’materjali sostenibbli magħmula minn fibri naturali.
Dwar il-proġett AIRSAVE, il-Profs Paul Refalo mill-Università ta’ Malta spjega kif din l-inizjattiva qed tħalli impatt. “Permezz tal-proġett AIRSAVE, qed inkunu nistgħu nittrasformaw ideat teoretiċi f’soluzzjonijiet prattiċi li bl-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali jolqtu direttament l-effiċjenza industrijali. L-għan tagħna huwa li nnaqqsu b’mod sinifikanti l-ħela tal-enerġija u l-emissjonijiet, filwaqt li nżommu l-kompetittività fis-suq lokali.”

Il-Professor Ing. Duncan Camilleri mill-Università ta’ Malta enfasizza s-sinerġija internazzjonali fil-proġett ECO-Composite, “Il-kollaborazzjoni bejn l-Università ta’ Malta u z-Zhejiang Sci-Tech University fuq il-proġett ECO-Composite hija bbażata fuq l-innovazzjoni. Dan l-investiment jippermettilna nimbuttaw il-konfini tal-inġinerija biex nibdlu plastik tradizzjonali f’materjali sostenibbli magħmula minn fibri naturali, u b’hekk noħolqu sistemi mfassla għall-bżonnijiet ambjentali ta’ għada.”
Permezz ta’ dawn is-soluzzjonijiet, Malta qed tpoġġi lilha nnifisha fuq quddiem nett fl-eċċellenza xjentifika. Is-sostenibbiltà u l-profittabbiltà qed jimxu id f’id għal futur aktar sigur għal uliedna.

