Meta partit politiku jibda jemmen il-mitoloġija tiegħu stess mingħajr ma qatt jivverifika jekk hix marbuta mar-realtà, ma jkunx biss qed jitbiegħed mill-verità, iżda jkun qed jaħrab minnha. Dan huwa forma ta’ qerq perikoluż. Rari jidher bħala gidba, u bosta drabi jidħol bħala konvinzjoni komda li “aħna dejjem għandna raġun,” anke meta l-fatti, l-istatistika, u r-riżultati politiċi kollha jgħidu mod ieħor. Il-Partit Nazzjonalista biddel dan f’mudell operattiv.
Meta partit jibda jemmen is-suppożizzjonijiet tiegħu stess daqs li kieku kienu l-Evanġelju, jieqaf jaġġorna. Jieqaf jitgħallem. Dak li jibqa’ huwa biss qoxra vojta ta’ “għarfien”, tleqq fuq barra, iżda immuffata minn ġewwa. Illum il-Partit Nazzjonalista sar xbieha perfetta ta’ dan it-tħassir intellettwali u morali.
Biżżejjed wieħed josserva r-retorika li jirrepetu bla waqfien: li huma l-uniċi difensuri tal-identità nazzjonali, tal-kompetenza, u tal-prosperità ekonomika. Ikkonvinċew lilhom infushom, kontra kull statistika eżistenti, kull awditjar indipendenti, u kull realtà elettorali, li t-tmexxija tagħhom kienet trijonf storiku.
Ġestjoni ekonomika falluta? “Fil-fatt kienet suċċess.” Telfiet elettorali ripetuti? “Il-poplu għadu magħna fil-moħbi; l-istħarriġ huwa manipulat.”
Din mhix strateġija politika iżda ipnosi kollettiva.

Alex Borg
It-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista m’għadhiex tiddibatti l-fatti. Bnew ekosistema, mezzi tax-xandir u social media li jirrepetu kontinwament is- suppożizzjoni tagħhom, think-tanks li jirrepetu l-istess ħrejjef biex jipproteġu l-fantasija minn kull kuntatt mar-realtà. Kull vuċi kritika ġewwa l-partit titqies bħala tradiment. Kull kritika minn barra tiġi imsejħa “fake news”. Jippreżentaw lilhom infushom bħala patrijotti infallibbli, iżda ħafna drabi jaġixxu bħal narċisisti politiċi li ma jifilħux jisimgħu il-verità.
Huwa għalhekk li l-“għarfien” tagħhom dwar il-governanza sar tant superfiċjali u fraġli. Il-mument li ddeċidew li l-verżjoni tagħhom tal-ġrajjiet kienet sagra, waqfu jaġġornaw ruħhom. U r-riżultat huwa inevitabbli: proposti li jiġġarfu mal-ewwel kuntatt mar-realtà, u distakk min-nies dejjem jikber.
Partit li jqarraq bih innifsu ma jistax jaqdi nazzjon b’onestà; jista’ biss jiġbed lill-pajjiż ’l isfel miegħu.

Partit Nazzjonalista
Il-konsegwenzi ilhom fid-deher. Il-fiduċja pubblika evaporat. Żgħażagħ dejjem jitbiegħdu. Nies b’ diversi ħiliet qed jirrifjutaw li jingħaqdu ma’ Partit li jippremja d-delużjoni aktar mill-mertu. Fl-istess ħin, iċ-ċirku intern tal-Partit Nazzjonalista qed isir aktar arroganti, aktar iżolat, u aktar konvint li l-immaġni li għandhom tagħhom infushom hija r-realtà sagrosanta.
L-awto ingann mhux żball politiku. Huwa velenu li jdawwar il-konvinzjoni f’katastrofi. Il-Partit Nazzjonalista ilu jixorbu bil-glalen. U sakemm ma jikkonfrontax din id-diżonestà intellettwali, u sakemm ma jieqafx jittratta kull realtà bħala propaganda ta’ Gvern Laburista, u jibda jħares lejha bħala opportunità għat-tagħlim, allura se jibqa’ xempju dwar kif forza politika li darba kienet serja tista’ tikkrolla minn ġewwa.

