Nixtieq nirringrazzjakom mill-qalb tal-fiduċja li wrejtu fija bl-elezzjoni tiegħi fil-Parlament. Dan ir-riżultat huwa unur kbir għalija, iżda fuq kollox huwa responsabbiltà li se nġorr b’impenn u serjetà.
Kull vot li rċevejt huwa turija ta’ fiduċja li napprezza immens. Grazzi lil kull min fetaħli l-bieb ta’ daru, sema’ l-messaġġ tiegħi, qasam il-ħsibijiet tiegħu miegħi u għażel li jafdani biex inkun il-vuċi tiegħu.
Nixtieq ukoll nesprimi l-akbar ringrazzjament tiegħi lill-familja tiegħi għall-appoġġ, is-sagrifiċċji u l-inkoraġġiment tagħhom matul din il-mixja. Mingħajrhom, dan il-mument ma kienx ikun possibbli.
Din l-elezzjoni għandha tifsira speċjali għalija wkoll għax tani l-privileġġ li nsir l-ewwel Membru Parlamentari Mara fil-Gvern li qatt kellu Għargħur. Dan huwa unur mhux biss għalija, iżda wkoll għall-komunità kollha Għargħurija.
Matul din il-mixja ltqajt ma’ ħafna nies b’aspirazzjonijiet, tħassib u tama għal futur aħjar. Inwegħedkom li se nkompli naħdem biex inwassal il-leħen tagħkom u biex dejjem inżomm l-interessi tagħkom fil-qalba tal-ħidma tiegħi.
L-elezzjoni tista’ tkun spiċċat, iżda l-ħidma issa tibda tassew. Se nibqa’ viċin tagħkom, disponibbli biex nisma’, ngħin u naħdem favur il-komunitajiet tagħna u l-pajjiż kollu.
Grazzi talli emmintu fija. Flimkien se nkomplu nibnu futur aħjar, ibbażat fuq il-ħidma, il-ġustizzja u l-opportunitajiet għal kulħadd.

