L-istorja timxi bl-għażliet li poplu jagħmel meta jiddeċiedi x’għandu jippreserva, jgħożż u x’għandu jibdel. Il-Konferenza Ġenerali Straordinarja tal-Partit Laburista mhix xi eżerċizzju statutorju, iżda att ta’ ġudizzju kollettiv. Id-delegati ma vvutawx biss għal ismijiet. Ivvutaw għal viżjoni, għal kontinwità u għal Tmexxija li diġà ġiet ippruvata fil-prattika.

B’mandat ċar u konvinċenti, il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mad-Deputati Mexxejja Ian Borg u Alex Agius Saliba, reġgħu ngħataw il-fiduċja tal-akbar Moviment politiku f’Malta. Mhux biss konferma ta’ tmexxija; hija konferma ta’ prinċipju. Il-prinċipju li dak li jaħdem għandu jissaħħaħ, mhux jitwarrab. Li dak li jagħti r-riżultati għandu jingħata l-opportunità jkompli jibni fuqhom.
L-għerf politiku ma jinsabx fit-tfittxija bla waqfien tal-bidla, iżda fil-kapaċità li wieħed jagħraf x’għandu jinżamm u x’għandu jinbidel. Il-bidla hija virtù biss meta ttejjeb; inkella tinbidel f’moviment mingħajr direzzjoni. Soċjetajiet b’saħħithom ma jiċħdux is-suċċess tagħhom. Jikkonsolidawh.

Ftit ġimgħat ilu, il-poplu Malti u Għawdxi ta lill-Partit Laburista r-raba’ rebħa elettorali konsekuttiva. Avveniment mingħajr preċedent fl-istorja politika ta’ pajjiżna. Illum, id-delegati tal-Partit wasslu l-istess messaġġ. Dak li ġie affermat fl-Elezzjoni Ġenerali issa ġie approvat ukoll fil-qalba tal-Moviment Laburista.
Il-qawwa vera mhix il-ħila li tirbaħ darba, iżda l-kapaċità li żżomm fuq quddiem b’dixxiplina, prudenza u konsistenza. Ir-rebħa hija mument; il-kontinwità tirrifletti l- karattru. Tmexxija li terġa’ taqla’ l-fiduċja wara diversi rebħiet turi mhux biss popolarità, iżda kredibilità mibnija fuq il-fatti.

Fid-deċiżjoni tad-delegati hemm lezzjoni ċara. Il-progress ma jitwieledx mill-instabbiltà. Il-progress jitwieled meta komunità jkollha l-għerf tagħraf li ċerti pedamenti huma sodi biżżejjed li fuqhom ta’ min ikompli jibni. Il-kontinwità mhix in-nuqqas ta’ ambizzjoni; hija l-ogħla forma ta’ fiduċja fil-valur ta’ dak li diġà nkiseb.
Illum il-Partit Laburista ma kkonfermax biss Mexxej u Deputati Mexxejja. Ikkonferma li l-għaqda hija aktar b’saħħitha mill-firdiet.
Kull mandat iġib miegħu mhux biss unur, privileġġ, iżda obbligu. L-obbligu li wieħed jibqa’ jistħoqqlu l-fiduċja li ngħatatlu. Għax il-leġittimità fil-politika ma tgħix fuq il-memorja tal-bieraħ; tissaħħaħ bil-ħidma ta’ kuljum.

Il-vot intefa’. Il-fiduċja ġiet imġedda. Issa jibda kapitlu ieħor.
B’għaqda, b’umiltà u b’determinazzjoni, il-Partit Laburista jkompli l-vjaġġ tiegħu. Mhux biex jiddefendi s-suċċess tal-bieraħ, iżda biex joħloq is-suċċess ta’ għada.
Dan huwa vot b’saħħtu għal Partit b’saħħtu.

