Il-Qawwa tal-Kontinwità: Il-Fiduċja bħala l-Pedament tat-Tmexxija

Neville Gafa

~ 12 minutes ago

Il-Qawwa tal-Kontinwità: Il-Fiduċja bħala l-Pedament tat-Tmexxija

Hemm mumenti fil-ħajja ta’ moviment politiku li jmorru lil hinn mill-proċeduri u mir-regolamenti. Isiru mumenti ta’ definizzjoni morali. Il-Konferenza Ġenerali Straordinarja tal-Partit Laburista kienet waħda minn dawn il-mumenti. Ma kinitx biss elezzjoni interna, iżda dwar x’tip ta’ tmexxija għandha tmexxi il-moviment fil-futur.

 

B’mandat qawwi u ċar, id-delegati reġgħu kkonfermaw il-fiduċja tagħhom fil-Prim Ministru Robert Abela u fid-Deputati Mexxejja Ian Borg u Alex Agius Saliba.

 

 

Il-kultura moderna ħafna drabi tħares lejn il-bidla bħala virtù. Kważi nikkunsidraw kull kontinwità bħala sinjal ta’ staġnar. Iżda l-istorja tgħallimna li ċ-ċiviltajiet ma baqgħux jeżistu għax wettqu bidla; baqgħu b’ saħħithom għax għarfu x’kien jistħoqqlu jiġi ppreservat. Il-kontinwità mhix l-oppost tal-progress, iżda l-kundizzjoni li tagħmel il-progress possibbli.

 

Soċjetà ma tistax tibqa’ teżisti jekk taqta’ kull rabta mal-esperjenza li akkwistat tul medda taż-żmien. Kull ġenerazzjoni tirċievi wirt, u d-dmir tagħha mhuwiex li tikkunsmah, iżda li ssaħħu u tgħaddih lil dawk li jiġu warajha. Dan japplika wkoll fil-politika. Tmexxija li tkun uriet il-kapaċità tagħha ma tiġix ikkonfermata għax tibża’ mill-bidla, iżda għax tkun kisbet il-fiduċja meħtieġa biex tkompli tibni.

 

 

Ftit ġimgħat ilu, il-poplu ta mandat storiku lill-Partit Laburista permezz tar-raba’ rebħa elettorali konsekuttiva. Waqt il-Konferenza, id-delegati taw lil dak il-mandat dimensjoni oħra. Il-vot tagħhom iffakkarna li l-leġittimità politika ma tiġix ikkonfermata biss fil-kaxxa tal-vot fuq skala nazzjonali, iżda wkoll fil-fiduċja li moviment ikollu fih innifsu.

 

Min hu rasu fuq għonqu ma jitlaqx minn triq li qed twasslu fid-destinazzjoni t-tajba, iżda jsegwiha b’certu dixxiplina, b’aktar umiltà u b’aktar sens ta’ responsabbiltà.

 

Il-fiduċja hija l-aktar munita prezzjuża fid-demokrazija. Ma tistax tintalab, iżda trid tinkiseb. U ladarba tinkiseb, ma tistax tittieħed bħala fatt. Trid terġa’ tintrebaħ kuljum, permezz ta’ deċiżjonijiet għaqlin, servizz onest u rispett lejn dawk li jkunu fdawk bir-responsabbiltà.

 

Il-Partit Laburista llum għażel il-kontinwità. Għażel l-għaqda, iżda għaqda mibnija fuq skop komuni. Għażel tmexxija li ma tistrieħx fuq il-glorja tal-bieraħ, iżda fuq ir-responsabbiltà li tagħti aktar għada.

 

Il-vot intefa’, iżda l-veru tifsir tiegħu jinsab f’dak li jibda minn għada. Għax kull mandat huwa wegħda, u kull wegħda ġġib magħha obbligu morali.

 

Robert Abela

 

Il-futur qatt ma jinbena billi wieħed jiċħad dak li kien tajjeb. Jinbena billi wieħed jieħu l-aħjar tal-bieraħ, isaħħu bl-għerf tal-lum, u jgħaddih lill-ġenerazzjonijiet ta’ għada.

 

Dak hu l-virtù tal-kontinwità. U minn dak il-virtù jitwieled il-progress li jibqa’.

 

Vot b’saħħtu. Partit b’ saħħtu.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *