Il-funeral ta’ Ali Khamenei, pospost għal xhur minħabba l-gwerra, huwa aktar minn ċerimonja reliġjuża jew waħda Statali. Huwa prova ta’ kemm Stat jista’ juri kontinwità fi żmien ta’ kriżi. Il-preżenza ta’ rappreżentanti minn aktar minn mitt pajjiż, minkejja r-riskji għas-sigurtà tagħhom, turi li fil-politika internazzjonali s-simboli fihom piż daqs il-forza militari.
Il-kobor ta’ Stat ma jitkejjilx skont kemm jevita l-kunflitt, iżda minn kemm jibqa’ jiffunzjona meta jintlaqat minnu. Imperi kbar waqgħu mhux għax tilfu battalja waħda, iżda għax tilfu l-fiduċja fihom infushom. Oħrajn ġarrbu telf ferm akbar u baqgħu jeżistu, għax il-lealtà lejn l-Istat kienet aktar b’saħħitha mill-biża’ tal-mewt.
Ali Khamenei seta’ faċilment għażel is-sigurtà tiegħu personali. Minflok, iżda, ir-‘Rahbar’ baqa’ marbut mad-destin tal-Istat li kien imexxi. Għax mexxej ta’ veru ma jistax jitlob lis-soċjetà tissagrifika ruħha jekk hu stess ma jkunx lest jagħmel l-istess.
Il-kunflitti ma jibdewx fil-jum li jiġu ddikjarati uffiċjalment. Dak il-jum huwa biss il-mument meta l-vjolenza moħbija ssir viżibbli. Qabel kull gwerra hemm snin ta’ pressjoni, sabutaggi, omiċidji pjanati bħal ma sofrew l-Iranjani fejn saħansitra tilfu xjenzati kif ukoll Mexxejja Spiritwali, gwerer ekonomiċi u kompetizzjoni żbilanċjata. Min iħares biss lejn meta bdiet uffiċjalment il-gwerra, jitlef l-għerq tal-kawża li tkun wasslet għaliha.
Minkejja għoxrin sena ta’ sanzjonijiet inumani u mill-aktar ħorox, l-Istat Iranjan baqa’ jopera u l-Istituzzjonijiet tiegħu baqgħu jaħdmu. Għal ħafna osservaturi internazzjonali, din hija waħda mill-aktar provi tar-reżiljenza ta’ Stat: mhux kemm jevita d-daqqiet, iżda kemm jibqa’ kapaċi jieħu deċiżjonijiet wara li jirċevihom.
Fl-aħħar mill-aħħar, il-politika hija ġlieda kontinwa bejn ir-rieda u l-forza. L-Istati li jibqgħu jeżistu huma dawk li jirnexxielhom iżommu dawn iż-żewġ fatturi strateġiċi. Għax il-ġudizzju tal-istorja ma jingħatax lil min kien l-aktar popolari jew l-aktar b’saħħtu f’mument partikolari, iżda lil min wara kull maltempata, baqa’ wieqaf.

