Kull elezzjoni ġenerali hija ġudizzju kollettiv dwar il-passat u investiment għall-futur. Meta l-poplu jivvota, ma jkunx qed “iqassam” biss Siġġijiet fil-Parlament; ikun qed jiddeċiedi liema viżjoni politika jistħoqqilha tkompli tmexxi.
Fit-30 ta’ Mejju 2026, il-poplu Malti ta verdett li ma jħalli ebda lok għal ambigwità. Għar-raba’ darba konsekuttiva, il-Partit Laburista kiseb il-fiduċja tal-maġġoranza tal-elettorat. Għamel dak li ebda partit ieħor qatt ma rnexxielu jagħmel fl-Istorja politika ta’ Malta sa minn meta ġie introdott dak li jissejjaħ ‘Universal Suffrage’.
L-introduzzjoni tal-Universal Suffrage f’Malta hija marbuta ma’ żewġ stadji storiċi. Il-Kostituzzjoni tal-1921 fetħet l-era elettorali moderna billi espandiet b’mod sostanzjali d-dritt tal-vot fost l-irġiel. Min-naħa l-oħra, il-‘Full Universal Suffrage’ kif nafuh illum, inkiseb fl-1947 meta n-nisa kisbu wkoll id-dritt tal-vot u tneħħew il-kwalifiki marbuta mal-proprjetà.

Ir-riżultat elettorali ta’ xahar ilu mhux sempliċement rekord elettorali, iżda avveniment storiku. Madankollu, kważi immedjatament wara ċ-ċelebrazzjonijiet, bdew jinstemgħu sejħiet iżolati sabiex il-partit jagħmel analiżi interna primarjament biex jifhem għaliex kiseb inqas voti milli fl-2022.
Inkredibbli imma veru‼️
Meta rebħa storika tiġi interpretata primarjament permezz ta’ dak li ma nkisibx, ma nkunux qed nagħmlu analiżi ġusta, iżda nkunu qed nitbiegħdu mir-realtà.
L-għerf jibda meta nagħrfu s-sustanza ta’ ħaġa qabel ma nitilfu ruħna fiċ-ċirkostanzi li ġġib magħha. Is-sustanza ta’ din l-elezzjoni hija waħda sempliċi: il-Partit Laburista rebaħ. Rebaħ b’52% tal-voti. Rebaħ bi tnejn u għoxrin elf vot vantaġġ. Rebaħ 42 Siġġu Parlamentari. U, fuq kollox, rebaħ għar-raba’ darba konsekuttiva.
Il-bqija huma ċirkostanzi.
Meta ċ-ċirkostanzi jibdew jieħdu post is-sustanza, il-ħsieb ma jibqax kritiku; isir konfuż.
L-istess jgħodd għas-sens komun.

Meta tim tal-futbol jirbaħ erba’ kampjonati konsekuttivi, ħadd ma jlaqqa’ laqgħa ta’ emerġenza biex jistaqsi għaliex rebaħ b’inqas punti mill- istaġun ta’ qabel. Dak ikun eżempju ta’ perċezzjoni fjakka, fejn il-moħħ ma jibqax jagħti prijorità lill-fatt ewlieni iżda jibda jossessjona ruħu b’dettall sekondarju.
Dan huwa eżattament il-periklu fil-politika.
L-elezzjoni tal-2026 kienet elezzjoni wara aktar minn tlettax-il sena fil-Gvern, wara pandemija globali, kriżijiet ekonomiċi fuq bażi Internazzjonali u tensjonijiet ġeopolitiċi li komplew ibiddlu d-dinja. Kien naturali li l-Oppożizzjoni tnaqqas l-iżvantaġġ. Mhux għax politikament irkuprat, iżda għall-fatt li numru ta’ votanti esprimew vot ta’ protesta. Dan iseħħ f’kull Demokrazija.
Dak li ma kienx inevitabbli kien li l-Partit Laburista jerġa’ jikseb il-maġġoranza assoluta tal-voti u jikteb paġna ġdida fl-istorja ta’ Malta.
Il-filosfu Ġermaniż Friedrich Nietzsche kien iwissi kontra dak li sejjaħ il-“moralità tar-riżentiment”, il-vizzju li wieħed iħares lejn ir-realtà mhux għal dak li hija, iżda għal dak li jonqosha meta mqabbla ma’ ideal astratt. Meta dan il-mod ta’ ħsieb jidħol f’organizzazzjoni rebbieħa, jinħoloq fenomenu mnejjek, fejn rebħa tibda tinftiehem bħala nuqqas.
Pessimiżmu bla bżonn u li ma jwassalna mkien.
L-għaqli ma jħallix il-ġudizzju tiegħu jiġi mċajpar minn paraguni bla tmiem. Jara r-realtà kif inhi. U r-realtà hi li l-poplu Malti reġa’ ta mandat ċar lill-Partit Laburista.
Dan ma jfissirx li partit għandu jieqaf jeżamina lilu nnifsu.
Bil-maqlub.
L-eżami tal-kuxjenza huwa sinjal ta’ maturità politika. Iżda hemm differenza fundamentali bejn riflessjoni u awtodemolizzjoni. Riflessjoni tibda billi tirrikonoxxi s-saħħa tagħha stess. Awtodemolizzjoni tibda billi tinsa l-kisba tar-rebħa.
L-akbar żball li jista’ jagħmel moviment rebbieħ huwa li jadotta n-narrattiva ta’ dawk li tilfu.
Il-politika hija wkoll ġlieda dwar il-mod kif nifhmu r-realtà. Min jitlef il-kontroll tan-narrattiva tiegħu stess, gradwalment jitlef ukoll il-fiduċja fih innifsu.
Il-Partit Laburista għandu kull dritt jistudja r-riżultat, jisma’, jitgħallem u jtejjeb. Iżda l-punt tat-tluq għandu jkun wieħed biss: il-poplu għażel li jġedded il-fiduċja tiegħu fil-Partit Laburista għall-ewwel darba fl-istorja għal erba’ elezzjonijiet konsekuttivi.

Dan huwa l-fatt li minnu għandhom jitnisslu l-konklużjonijiet kollha l-oħra.
Il-bqija huwa kollu sekondarju.
L-istorja ma tfakkarx kemm naqas il-marġni ta’ rebħa meta mqabbel mal-elezzjoni ta’ qabel. L-Istorja tfakkar min rebaħ, kemm dam igawdi l-fiduċja tal-poplu, u x’wirt ħalla warajh.
Fit-30 ta’ Mejju 2026, il-poplu Malti kiteb kapitlu ġdid fl-Istorja. L-aktar att għaqli issa mhux li nfittxu d-dellijiet fejn hemm id-dawl, iżda li nonoraw il-mandat mogħti mill-elettorat b’umiltà, b’responsabbiltà u b’rieda li l-kapitlu li jmiss ikun denju tal-fiduċja li ngħatat għar-raba’ darba konsekuttiva.

